X’tip taʼ Isem Għandek?
FIL-BIBBJA, xi drabi l-kelma “isem” tirreferi għar-reputazzjoni taʼ dak li jkun. Per eżempju, l-għaref Sultan Salamun kiteb: “Aħjar fama tajba miż-żejt prezzjuż, aħjar jum il-mewt minn jum it-twelid.” (Koħèlet 7:1; qabbel Proverbji 22:1.) Skond il-kliem taʼ Salamun, persuna ma titwelidx b’isem tajjeb. Pjuttost, huwa matul il-korsa taʼ ħajtu li wieħed jibni reputazzjoni li tfisser xi ħaġa. Ismu jidentifikah skond il-kwalitajiet persunali tiegħu, jekk hux ġeneruż jew egoist, ħanin jew biered, umli jew kburi, saħansitra twajjeb jew mill-agħar.
Ikkunsidra lil David. Matul ir-renju tiegħu, hu ta prova li kien qawwi u sod. Fl-istess ħin, bl-umiltà David irrikonoxxa l-iżbalji tiegħu u nidem mid-dnubiet ħoxnin tiegħu. B’raġuni valida, il-profeta taʼ Jehovah indika li David kien ‘bniedem għal qalbu [t’Alla].’ (1 Samwel 13:14) Iż-żagħżugħ David diġà kellu isem tajjeb m’Alla.
B’kuntrast, is-Sultan Ġudean Ġeħoram għamel isem ħażin għalih innifsu. Hu dawwar lis-sudditi tiegħu ’l bogħod mill-qima taʼ Jehovah u saħansitra ġiegħel li jinqatlu s-sitt ħutu u xi wħud mill-prinċpijiet taʼ Ġuda. Eventwalment, Jehovah laqat lil Ġeħoram b’marda kollha wġigħ li wasslitu għall-mewt. Il-Bibbja tgħid li Ġeħoram “mar bla ma tħassruh,” jew kif tpoġġiha t-Today’s English Version, “ħadd ma ddispjaċieh meta miet.”—2 Kronaki 21:20.
Il-korsa tal-ħajja taʼ David u Ġeħoram turi l-verità tal-proverbju Bibliku: “It-tifkira tal-ġust titbierek, imma isem il-ħżiena jitħassar.” (Proverbji 10:7) Għalhekk, kull wieħed u waħda minna għandu jikkunsidra bil-għaqal il-mistoqsija, ‘X’tip taʼ isem qed nagħmel m’Alla u maʼ bnedmin sħabi?’