Imħabba Aqwa Minn taʼ Omm
FI STAZZJONIJIET taʼ l-underground, f’latrini pubbliċi, jew f’toroq miżgħudin bin-nies, xi ommijiet qed jabbandunaw lit-trabi tat-twelid tagħhom. Xi drabi, dawk li jiġbru ż-żibel sabu trabi żgħar mifnijin bil-biki għal ommhom saħansitra fil-bramel taʼ l-iskart. Skond il-gazzetta O Estado de S. Paulo, “il-każi taʼ trabi abbandunati fit-toroq qed jiżdiedu.” M’għandniex xi ngħidu, l-omm żagħżugħa għandha mnejn li iktar tard jiddispjaċiha li tkun ħadet dik id-deċiżjoni. Madankollu, hi tabbandunaha, avolja lit-tarbija dan jistaʼ jiswielha ħajjitha.
Int tistaʼ tberren, ‘Kif qatt omm tistaʼ biss taħsibha li tabbanduna lit-tarbija tagħha għal futur hekk inċert?’ Il-Bibbja tuża sitwazzjoni taʼ niket bħal din bħala metafora biex tipprovdi kuntrast qawwi rigward is-sentimenti tal-Ħallieq tagħna lejn dawk li huma tiegħu: “Tistaʼ mara tinsa t-tarbija tagħha, u ma tħennx għal bin ġufha? Mqar jekk din tinsa, jien ma ninsiek qatt!”—Isaija 49:15.
Tassew, iktar minn kull omm umana, Alla għandu mħabba profonda għalina u juri sensittività għall-bżonnijiet tagħna. Kemm jekk int żagħżugħ u kemm jekk int adult, tkun xi tkun il-problema li tistaʼ tiffaċċja, m’intix waħdek. Il-Ħallieq tiegħek irid jgħinek u jixtieqlek il-ġid. Fi kliem is-salmista, “għalkemm telquni missieri u ommi, il-Mulej jilqagħni għandu.”—Salm 27:10.
Ir-rivisti t-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! qed jiġu ppubblikati mad-dinja kollha biex jipprovdu għarfien dwar ‘Alla waħdu veru,’ Jehovah, u dwar Ibnu, Ġesù Kristu. Dan l-għarfien jistaʼ jfisser ħajja taʼ dejjem għal dawk li jaċċettawh b’apprezzament.—Ġwann 17:3.