“Intom Tagħmlu Dak li Alla Jistenna Minna”
BILLI jikkooperaw maʼ l-awtoritajiet sekulari “għall-imħabba tal-Mulej,” il-Kristjani jistgħu jistennew li jirċievu ‘tifħir [bħala] dawk li jagħmlu t-tajjeb.’ (1 Pietru 2:13-15) Ftit taż-żmien ilu, ix-Xhieda taʼ Jehovah fl-Afrika t’ Isfel dan esperjenzawh f’konvenzjoni distrettwali li nżammet f’sala tal-campus taʼ kulleġġ.
Fl-ewwel jum tal-konvenzjoni, il-pulizija tas-sigurtà tal-kulleġġ lestew ruħhom għan-numru tas-soltu taʼ delegati rrabjati u li ma jikkooperawx, bħal dawk li kienu esperjenzaw f’konvenzjonijiet differenti oħrajn. Madankollu, peress li qatt ma kellhom x’jaqsmu max-Xhieda taʼ Jehovah, huma kienu se jesperjenzaw sorpriża pjaċevoli!
Bħala parti mill-għassa regulari minħabba sigurtà fil-kanċelli, il-pulizija tas-sigurtà fittxew f’kull karozza li kienet dieħla u ħierġa fil-propjetà. Kienu mistagħġbin meta ġew milqugħin bi ħbiberija, paċenzja, u rispett, avolja lid-delegati dan it-tiftix kien qed jiħdilhom il-ħin. Ma kienx hemm ir-reżistenza, l-argumenti, u l-kliem abbużiv tas-soltu. “Kuntrarju għall-viżitaturi l-oħrajn,” irrimarka fizzjal tas-sigurtà, “intom turu spirtu umli u manjieri trankwilli li huma ovvji għalina lkoll.”
Hekk kif l-uffiċjal ewlieni tas-sigurtà induna bil-kondotta kooperattiva tax-Xhieda taʼ Jehovah, iddeċieda li ma kienx hemm għalfejn ifittxilhom fil-karozzi “għaliex,” hu qal, “intom tassew iddixxiplinati.” Minħabba f’hekk, il-karozzi li kellhom “JW” miktubin fuqhom bdew jitħallew jidħlu mingħajr ma jfittxulhom.
Fi tmiem il-konvenzjoni, l-uffiċjal ewlieni tas-sigurtà qal li kien jittama li ma jdumx ma jerġaʼ jara lix-Xhieda hemmhekk. “Qatt ma rajna nies b’imġiba tajba daqskom,” hu stqarr. “Intom tagħmlu dak li Alla jistenna minna.” Tifħir bħal dan huwa inċentiv ieħor għall-Kristjani veri sabiex ‘iġibu ruħhom sewwa,’ biex b’hekk in-nies ‘isebbħu [“jfaħħru,” Saydon] ’l Alla minħabba l-għemil tajjeb tagħhom.’—1 Pietru 2:12.