“Stajt Inħoss l-Atmosfera Paċifika”
RAĠEL li jitkellem il-Ġermaniż mar f’konvenzjoni organizzata mix-Xhieda taʼ Jehovah ħalli jkun jistaʼ “jitkixxef” fuq ix-Xhieda. Għala? L-għan tiegħu kien li “jesponi lil din is-setta u jsalva lil ħbiebu biex ma jintilfux.” Wara li attenda l-konvenzjoni, hu kiteb lil ħbiebu l-ittra li ġejja:
“Meta rsaqt lejn il-post fejn kienet qed issir il-konvenzjoni, bdejt inberren jekk dan kienx il-post korrett. Lanqas persuna waħda ma kienet tidher, u fl-art ma kienx hemm skart jew bottijiet tal-birra. Hekk kif ersaqt iktar viċin, rajt żewġt irġiel fil-bieb taʼ l-istejdjum. Tawni merħba u ħallewni nidħol.
“Jien stennejt li se nismaʼ l-istorbju taʼ l-eluf li kellhom ikunu hemmhekk, iżda kien hemm skiet perfett. ‘Sewwa,’ għedt bejni u bejn ruħi, ‘wisq probabbli kull m’hemm xi ftit nies imxerrdin mal-post kollu.’
“Malli dħalt, l-attenzjoni kollha tiegħi waqgħet mill-ewwel fuq drama li kienet qed tiġi mtellaʼ fuq il-pletform. Kien iktar tard li rrealizzajt li l-istejdjum kien mimli daqs bajda b’eluf taʼ semmiegħa attenti. Stajt inħoss l-atmosfera paċifika. Dak li smajt, rajt, u ħassejt waqt il-kumplament tal-konvenzjoni impressjonani profondament.
“Waqt li tħallatt max-Xhieda, innotajt il-wiċċ ferħan u l-espressjonijiet taʼ mħabba li lkoll kellhom. F’daqqa waħda, ma stajtx inżomm milli naħseb, ‘Dawn tassew huma n-nies t’Alla!’”
Minflok ma ‘salva lil ħbiebu biex ma jintilfux,’ dan iż-żagħżugħ talabhom jibdew jistudjaw il-Bibbja miegħu. Ir-riżultat? Illum hu anzjan Kristjan. Hu u familtu huma attivi fil-kongregazzjonijiet taʼ Zug, l-Isvizzera.