“Karattru Sod Imnebbaħ mill-Fidi”
FIS-SENA 1998 ġie pubblikat ktieb ġdid bil-Franċiż, li kellu kritika tassew pożittiva, u dan kien intitolat Les Témoins de Jéhovah face à Hitler (Ix-Xhieda taʼ Jehovah Wiċċ Imbwiċċ maʼ Hitler), miktub minn Guy Canonici. Fl-introduzzjoni tal-ktieb, l-istorjografu Franċiż ferm rispettat François Bédarida kiteb: “Dan il-ktieb tassew intlaqaʼ tajjeb. Mhux sempliċement għaliex jimla xi vojt, imma għaliex ħareġ f’waqtu. . . . Minbarra l-ispeċjalisti, min iżjed jaf dwar dak li għaddew minnu x-Xhieda taʼ Jehovah taħt it-Tielet Reich? Madankollu, matul ir-reġim li dam sejjer għal 12-il sena, dawn għaddew minn persekuzzjoni qalila u vjolenti li ma qatgħet xejn. Huma wkoll esperjenzaw l-orrur tal-kampijiet tal-konċentrament. Huma wkoll ħallsu prezz għoli għall-fidi u l-konvinzjonijiet tagħhom. L-istorja għala nsiethom lil dawn il-Kristjani? . . .
“Għala kien hemm din il-persekuzzjoni brutali u sistematika fuq din is-setta żgħira, imxerrda mal-pajjiż, li m’għamlet ebda ħsara lil ħadd? Din hi l-qalba tal-paradoss. Ix-Xhieda fil-Ġermanja mhux biss kienu jirrappreżentaw minoranza żgħira ħafna tal-popolazzjoni—l-istatistika turi li hemm madwar 20,000 f’total taʼ iktar minn 60 miljun abitant—imma talli lkoll kemm huma kienu ċittadini paċifiċi li rrispettaw il-liġi u ma kienu taʼ theddida għal ħadd, li riedu biss jaħdmu u jrabbu lil uliedhom kif jixraq. . . .
“Din il-persekuzzjoni ħaditha mar-reżistenza spiritwali soda u rebbieħa taʼ kredenti li l-forza interna tal-fidi tagħhom f’Ġesù Kristu kienet kapaċi tħabbatha mal-forza esterna tal-pressjonijiet, ibda mill-vjolenza fiżika taʼ l-Istat tal-pulizija—sal-punt taʼ eroiżmu u martirju.”
L-istorja tax-Xhieda taʼ Jehovah, li sofrew il-martirju għall-fidi Kristjana tagħhom waqt li ffaċċjaw intolleranza reliġjuża, għandha effett qawwi. Fir-reviżjoni tagħha taʼ dan il-ktieb, il-gazzetta popolari Kattolika Franċiża, La Croix, żiedet b’mod impressjonanti: “Mill-istorja tagħhom li ftit li xejn nafu dwarha, Guy Canonici ġabar flimkien partita evidenzi li jħallu lil dak li jkun b’ħalqu miftuħ x’ħin jara x’karattru sod imnebbaħ mill-fidi li kienet espressa bl-iktar kliem sempliċi, fidi li baqgħet soda sa l-aħħar saħansitra fost it-tfal. Din it-tifkira għandha tipprovdi sfond għad-dibattitu kurrenti dwar in-natura Kristjana tax-Xhieda taʼ Jehovah.”