Il-Bibbja—Tistaʼ Tgħinna Llum?
“JEKK tieħu l-Bibbja mill-bidu sa l-aħħar, issib li madwar wieħed fil-mija biss minnha hu taʼ min jaqrah u l-kumplament hu irrilevanti u antikwat.” Hekk qal wieħed żagħżugħ. Ħafna jaqblu miegħu. Għalkemm il-Bibbja tkompli tkun l-iktar ktieb li jinbiegħ fid-dinja kollha, miljuni taʼ nies ftit li xejn jagħtu kasha u m’humiex familjari mat-tagħlim tagħha.
Fl-edizzjoni tal-Milied taʼ l-1996, il-gazzetta Ġermaniża Süddeutsche Zeitung ikkummentat li l-Bibbja “Inqas u inqas nies qed jaqrawha. F’din l-era taʼ xjenzi naturali u żjieda fis-sekularizzazzjoni, għal ħafna nies ir-rakkonti Bibliċi jidhru strambi u diffiċli biex wieħed jifhimhom.” L-istħarriġ jikkonferma dan ir-rapport. Xi studji jirrivelaw li numru kbir taʼ tfal lanqas biss jafu eżattament min hu Ġesù. Fi stħarriġ wieħed li sar, inqas minn nofs in-nies intervistati kienu jafu jirrakkontaw l-istejjer Bibliċi taʼ l-iben prodigu u tas-Samaritan it-tajjeb.
Il-pubblikazzjoni tal-Knisja Evanġelika Svizzera, Reformiertes Forum, tistqarr li t-talba għall-Bibbja fl-Isvizzera m’għadhiex bħalma kienet qabel. Anki fost dawk li għandhom kopja tal-Bibbja, din taʼ spiss qegħda biss biex tiġbor it-trab fuq l-ixkaffa. Is-sitwazzjoni fl-Ingilterra hija l-istess. Skond stħarriġ, għalkemm il-biċċa l-kbira tan-nies għandhom Bibbja, il-maġġuranza vasta bilkemm jaqrawha.
Mill-banda l-oħra, miljuni mad-dinja kollha jħossuhom differenti dwar il-Bibbja. Dawn iqisuha bħala l-Kelma t’Alla u jikkunsidrawha bħala taʼ valur u taʼ benefiċċju. Għaldaqstant, dawn jaqrawha regolarment. Waħda żagħżugħa kitbet: “Jien nipprova naqra kapitlu jew tnejn mill-Bibbja kuljum. Tgħidx kemm nieħu gost.” Individwi bħal dawn josservaw bir-reqqa dak li tgħallem il-Bibbja, u jipprovaw japplikaw il-pariri tagħha f’ħajjithom. Dawn jemmnu li l-Bibbja tistaʼ tgħinhom f’din id-dinja mimlija inkwiet.
X’inhi l-opinjoni tiegħek? Hija l-Bibbja irrilevanti f’dawn iż-żminijiet moderni? Jew hija taʼ valur u taʼ benefiċċju? Il-Bibbja tistaʼ tgħinna llum?