Il-Ktieb taʼ Danjel Spjegat!
DAWK li attendew għall-konvenzjoni kienu ħerqanin biex jiksbu l-kopja tagħhom tal-ktieb il-ġdid li ħareġ taʼ 320 paġna, Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel! Kif ħassewhom dwar il-ktieb? Ikkunsidra x’qalu xi wħud minnhom.
“Bħall-biċċa l-kbira taʼ l-adolexxenti, jien ma tantx nieħu pjaċir nistudja dwar l-istorja antika. Għalhekk, meta rċivejt il-kopja persunali tiegħi tal-ktieb il-ġdid, Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel!, ma kontx eċċitata daqshekk biex naqrah, imma pprovajt. Kemm kont sejra żmerċ! Dan hu wieħed mill-aqwa kotba li qatt ġie f’idejja. Huwa tassew ktieb li ma tneħħihx minn idejk! M’għadnix inħossni li qed naqra dwar xi rakkont li ġara eluf taʼ snin ilu. Għall-ewwel darba, inħossni li nistaʼ npoġġi lili nnifsi minflok Danjel. Nistaʼ tassew nimmaġina xi tħoss meta tiġi mifrud mill-familja tiegħek, tintbagħat lejn art barranija, u l-integrità tiegħek tiġi provata darba wara l-oħra. Grazzi ħafna għal dan il-ktieb.”—Anya.
“L-iktar ħaġa li tgħinni hi l-messaġġ ċar li Jehovah għandu kontroll assolut tal-kwistjonijiet li jeffettwaw lill-poplu tiegħu. Permezz tal-viżjonijiet u l-ħolm taʼ Danjel u dawk li hu interpreta għal oħrajn, jidher ċar li Alla tagħna dejjem se jġiegħel li l-ġrajjiet iseħħu skond l-iskop tiegħu. Dan isaħħaħ it-tama li għandna fid-deskrizzjonijiet profetiċi misjubin fil-Bibbja dwar id-dinja ġdida li se jagħmel.”—Chester.
“Għoġobni l-mod kif tajtu l-ħajja lil Danjel. Ħassejtni li sirt nafu aħjar bil-mod kif enfasizzajtu l-affarijiet li kienu tant għal qalbu u li kien jimpurtah minnhom. Nistaʼ nifhem aħjar għala Jehovah kien jikkunsidrah bħala wieħed għażiż. Matul il-provi u l-persekuzzjonijiet kollha tiegħu, hu ma kienx jitħasseb dwar x’kien se jsir minnu. It-tħassib prinċipali tiegħu kien għal Jehovah u għall-isem meraviljuż Tiegħu. Grazzi talli enfasizzajtu dawn il-punti.”—Joy.
“Dan hu dak li konna qed nistennew! Qatt qabel ma kien ġie muri kemm il-ktieb taʼ Danjel attwalment japplika għal kull wieħed u waħda minna. Wara li qrajt il-biċċa l-kbira tal-ktieb il-ġdid dik il-lejla stess li rċivejtu, kelli bilfors nieqaf u nirringrazzja lil Jehovah fit-talb.”—Mark.
“Dak li ma konniex qed nistennew kien l-impatt li kien se jkollu fuq uliedna. L-età tagħhom hi ħames snin u tliet snin. . . . L-istejjer taʼ Danjel, Ħananija, Misaèl, u Għażarija dejjem kienu fost il-favoriti tagħhom mill-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja, imma l-preżentazzjoni fil-ktieb tal-Profezija taʼ Danjel! effettwathom b’mod li ma konniex qed nistennewh. Avolja għadhom daqshekk żgħar, jidhru li huma kapaċi jassoċjaw ruħhom maʼ dawn iż-żgħażagħ twajbin. X’eżempji meraviljużi għal uliedna biex jimitawhom! X’għodda straordinarja tajtuna! Grazzi, grazzi ħafna!”—Bethel.
“Ħassejtni li kont proprju hemm maż-żgħażagħ Ebrej hekk kif ġarrbu provi tal-fidi tagħhom; u dan inkuraġġieni biex neżamina l-fidi tiegħi stess. Il-kaxxa tar-reviżjoni intitolata “X’Innotajt?” iġġiegħel il-kontenut tal-kapitlu jidħol fil-qalb. Nerġaʼ ngħidilkom grazzi għal kapulavur ieħor.”—Lydia.