Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
Prezzjużi f’Għajnejn Jehovah Huma Dawk li Jħobbuh
SA MINN żminijiet Bibliċi l-Libanu ilu magħruf għar-riżorsi naturali tiegħu. (Salm 72:16; Isaija 60:13) L-iktar ħaġa prezzjuża fih kienu s-siġar taċ-ċedru twal ferm, tant imfittxijin għall-bini għax huma sbieħ, għandhom riħa tfuħ, u l-injam tagħhom hu b’saħħtu u reżistenti ħafna. Fl-ewwel seklu, mil-Libanu ħarġet xi ħaġa bil-wisq iktar prezzjuża. L-Evanġelju taʼ Mark jgħid li minn Tir u Sidon, li kienu parti mit-territorju l-antik tal-Libanu, “kotra kbira taʼ nies, li semgħu b’kull ma kien għamel [Ġesù], marru ħdejh.”—Mark 3:8.
L-istess illum, il-Libanu jkompli jagħti l-frott li tant hu prezzjuż f’għajnejn Jehovah. Dawn l-esperjenzi li ġejjin se juru dan.
• Xhud żagħżugħ jismu Wissam ġie mitlub biex jagħti taħdita taʼ 30 minuta lil dawk fil-klassi tiegħu taʼ l-iskola. Wissam iddeċieda li din kienet se tkun opportunità mill-aqwa biex jagħtihom xiehda. Għalhekk uża l-ktieb Life—How Did It Get Here? By Evolution or by Creation? u pprepara taħdita dwar is-suġġett tal-ħolqien. Madankollu, malli l-għalliem tiegħu ra li s-suġġett li għażel Wissam kien daqshekk importanti, qallu li t-taħdita tiegħu setaʼ jtawwalha għal 45 minuta.
Hekk kif Wissam beda jitkellem, l-għalliem waqqfu u bagħat għall-kap taʼ l-iskola. Din malajr waslet, u Wissam kellu jerġaʼ jibda mill-bidu. Hekk kif bdiet tismaʼ l-mistoqsijiet li staqsa fl-introduzzjoni tat-taħdita tiegħu, tant ħassitha mqanqla li qalet li l-istudenti kollha għandhom jingħataw kopja taʼ din it-taħdita.
Ftit wara, għalliem ieħor li kien għaddej innota li f’dik il-klassi kien hemm eċċitament kbir, u waqaf jistaqsi x’kien qed jiġri. Meta qalulu, dan staqsa lil Wissam jekk kienx qed jiddefendi l-ħolqien jew inkella l-evoluzzjoni. “Il-ħolqien,” wieġbu Wissam. Malli dan l-għalliem sar jaf li Wissam kien wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, lill-istudenti tal-klassi qalilhom: “Se taraw mit-taħdita tiegħu kif ix-xjenza tappoġġa l-ħolqien u mhux l-evoluzzjoni.”
Inzerta li dan l-għalliem kellu kopja tal-ktieb Creation u kien jużah biex jagħti l-lezzjonijiet fl-università! Qabel ma telaq, staqsa jekk l-għada setax jerġaʼ jmur maʼ l-istudenti tiegħu ħalli Wissam ikun jistaʼ jkellem lilhom ukoll. Dan wassal għal xiehda eċċellenti oħra dwar Jehovah.
• Taʼ tnejn u għoxrin sena, Nina kienet tixxennaq għall-ilmijiet tal-verità. Darba, kuġinuha ġabilha Bibbja u kellimha dwar il-Knisja Pentekostali. Nina tgħidx kemm ħadet gost taqra l-Bibbja. Meta, minn dak li qrat skopriet li l-Kristjani suppost jippridkaw, bdiet titkellem maʼ qrabatha u maʼ sħabha. Kulmin kellmet kien jistaqsiha: “Jaqaw int waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah?” Ma setgħetx tifhem għaliex.
Sitt snin wara, ix-Xhieda taʼ Jehovah marru jħabbtu l-bieb taʼ Nina u qalulha dwar is-Saltna t’Alla. Għall-ewwel ipprovat tħaqqaqha magħhom dwar it-tagħlim tagħhom. Madankollu, indunat li t-tweġibiet tagħhom kienu jagħmlu sens u kienu bbażati fuq il-Bibbja.
Maż-żmien dak li Nina tgħallmet—l-isem t’Alla, Jehovah; il-barkiet tas-Saltna; u ħafna affarijiet oħra—ikkonvinċieha li kienet sabet il-verità. Iddedikat ħajjitha lil Alla u tgħammdet. Nina ilha taqdi bħala evanġelizzatriċi full-time għal dawn l-aħħar sebaʼ snin. Verament li Jehovah jbierek lil dawk li jħobbuh bis-sinċerità kollha.—1 Korintin 2:9.