Is-Sbuħija Ġewwinija Għandha Valur Dejjiemi
“GĦAL ŻAGĦŻUGĦ, IS-SBUĦIJA HIJA L-ISTESS BĦALL-VIRTÙ,” OSSERVA KRISTJAN LEALI MDAĦĦAL FIŻ-ŻMIEN.
Iva, il-bniedem ilu bit-tendenza li jpoġġi enfasi żejda fuq is-sbuħija li tidher, u dan spiss wasslu biex jiġġudika ħażin il-valuri ġewwinin. Madankollu, il-Ħallieq tagħna jħares lejn dak li aħna minn ġewwa, hi x’inhi d-dehra tagħna minn barra. B’dan il-mod hu jagħti l-aqwa eżempju taʼ ġudizzju matur. Skond il-Bibbja, Alla nnifsu qal: “Il-Mulej ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fl-għajn, imma l-qalb.”—1 Samwel 16:7.
Alla hu s-Sors tal-vera sbuħija umana, u Kelmtu tirrivela li meta jikkunsidra l-valuri ġenwini taʼ persuna, il-kwalitajiet spiritwali jkunu dawk li jgħoddu l-iktar. Tgħid il-Bibbja: “Qarrieqa l-ħlewwa tal-mara, fiergħa sbuħitha; mara li tibżaʼ mill-Mulej taʼ min ifaħħarha.” (Proverbji 31:30) Tabilħaqq, is-sbuħija minn barra tistaʼ tgħatti l-kruha minn ġewwa. (Ester 1:10-12; Proverbji 11:22) Għalkemm is-sbuħija fiżika tistaʼ tispiċċa maż-żmien, is-sbuħija ġewwinija—il-kwalitajiet tal-qalb—tistaʼ tikber u ssir dejjiema.
Għalhekk, kemm hu għaqli li nikkultivaw kwalitajiet bħalma huma l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa u r-rażan! (Galatin 5:22, 23) B’hekk, inkunu nistgħu niksbu s-sbuħija ġewwinija, li verament għandha valur dejjiemi.—1 Pietru 3:3, 4.