Kontribuzzjonijiet li Jġibu l-Ferħ u l-Barka t’Alla
KONTRIBUZZJONI mhux bilfors tinvolvi għoti t’affarijiet materjali. Pawlu rringrazzja lil Alla għall-kontribut li taw il-Kristjani taʼ Filippi biex tixxandar l-aħbar tajba. Minbarra s-sehem li taw personalment f’li jxerrdu l-aħbar tajba, huma kienu għenu lil kienu appoġġaw lealment ix-xogħol taʼ l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba b’dan il-mod ukoll.—Filippin 1:3-5; 4:16-18.
L-Iżraelin kellhom il-privileġġ li jagħtu kontribuzzjonijiet għall-bini u t-tagħmir taʼ strutturi għall-qima vera. Huma taw materjal għat-tabernaklu u għat-tiżjin u l-għamara tiegħu (Eżodu 25:1-9; 35:4-9), “offerta minn rajhom lill-Mulej” li kellha titwaqqaf għaliex tant taw affarijiet li “kien hemm biżżejjed, anzi żżejjed, għax-xogħol li kellu jsir.” (Eżodu 35:20-29; 36:3-7) Il-kontribuzzjonijiet li għamel is-Sultan David għall-bini tat-tempju futur kienu jinkludu l-propjetà speċjali tiegħu taʼ deheb u fidda, li kienu jiswew iktar minn Lm546,000,000. Min-naħa tagħhom, il-kapijiet u l-kmandanti tal-poplu taw minn qalbhom iktar minn Lm906,000,000, f’deheb u fidda, minbarra r-ram, il-ħadid, u l-ħaġar.—1 Kronaki 29:1-9.
Fi żmien is-Sultan Ġowas, tpoġġa senduq ħdejn il-bieb tad-dar taʼ Jehovah biex fih jintefgħu l-kontribuzzjonijiet għat-tiswijiet kbar li kellhom isiru fit-tempju. Il-prinċpijiet u l-poplu tgħidx kemm kienu kuntenti li jġibu “t-taxxa” sagra, li permezz tagħha setgħu jissodaw id-dar t’Alla u jagħmlu t-tagħmir għat-tempju.—2 Kronaki 24:4-14.
Dawk li ma kinux Iżraelin ukoll taw il-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-qima vera. Meta Esdra u l-fdal Lhudi telqu minn Babilonja biex imorru Ġerusalemm fis-sena 468 Q.E.K., huma ġarrew magħhom il-fidda, id-deheb, u t-tagħmir li ngħataw bħala kontribuzzjoni għad-dar t’Alla mis-Sultan Artasersi tal-Persja, mill-kunsillieri tiegħu, mill-prinċpijiet, u mill-Iżraelin li kien hemm f’Babilonja. Dawn l-oġġetti prezzjużi ġew fdati f’idejn irġiel magħżulin apposta matul il-vjaġġ.—Esdra 7:12-20; 8:24-30.
Biex Ġesù Kristu u l-appostli setgħu jwettqu l-ministeru, huma aċċettaw l-għajnuna materjali li kienu jingħataw. (Luqa 8:1-3) Il-Kristjani fil-Maċedonja u fl-Akaja wrew ħeġġa speċjalment biex jgħinu lil ħuthom fil-bżonn, u kien ‘jogħġobhom jaqsmu ġidhom mal-fqar li kien hemm Ġerusalemm fost il-qaddisin.’ Dan ovvjament għamluh billi taw kontribuzzjonijiet fi flus.—Rumani 15:26.
F’Rumani 15:26 u fit-2 Korintin 9:13, il-kelma Griega għal “kontribuzzjoni” (koi·no·niʹa) tistaʼ titqies bħala li tfisser letteralment “taqsmu bejnietkom.” Din l-istess kelma Griega tintuża f’Lhud 13:16: “Tinsewx tagħmlu l-ġid lill-oħrajn, u taqsmu bejnietkom dak li għandkom, għax b’sagrifiċċji bħal dawn jitgħaxxaq Alla.”
Bosta Lhud u proseliti minn pajjiżi oħra li kienu saru Kristjani matul iż-żmien taʼ Pentekoste tas-sena 33 E.K. milli jidher baqgħu għal xi żmien Ġerusalemm sabiex jitgħallmu iktar dwar il-fidi. Sabiex ħadd ma jkun fil-bżonn, dawn taw minn jeddhom mill-affarijiet li kellhom. Ġabru u “kellhom kollox flimkien.” (Atti 4:32-37; qabbel Atti 5:1-4.) Iktar tard, dawk fil-kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm kienu kuljum iqassmu l-ikel biex jagħtuh lir-romol fil-bżonn. (Atti 6:1-3) Pawlu tahom istruzzjonijiet dwar kif kellhom jużaw il-flus li jkunu ġabru biex jieħdu ħsieb ir-romol li kien verament ħaqqhom li jirċievu l-għajnuna.—1 Timotju 5:9, 10.
Fil-kongregazzjoni Kristjana tal-bidu ħadd ma kien jiġi sforzat biex jagħti l-kontribuzzjonijiet. Dwar dan Pawlu kiteb: “Kull wieħed għandu jagħti skond ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.”—2 Korintin 9:7.
L-ammont li wieħed kien jagħti bħala kontribuzzjoni ma kienx neċessarjament juri eżatt il-ġenerożità taʼ min ikun għamel id-donazzjoni. Darba Ġesù Kristu qagħad jinnota n-nies jitfgħu l-flus fis-sniedaq tat-teżor tat-tempju. Dawk li kienu għonja tefgħu ħafna muniti, imma Ġesù kien impressjonat bil-ġenerożità li wriet waħda armla fil-bżonn li b’qalbha kollha tefgħet l-uniċi żewġ muniti żgħar li kellha, li ftit li xejn kellhom valur. Hu qal: “Din l-armla fqira tefgħet iktar minnhom ilkoll. Għax dawn kollha għamlu offerti miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet dak kollu li kellha biex tgħix.” (Luqa 21:1-4; Mark 12:41-44) Rigward l-għoti taʼ xi kontribuzzjoni biex wieħed jgħin lil xi ħadd minn sħabu fit-twemmin, Pawlu qal: “Jekk il-qalb tkun hemm, dak li jkun jingħoġob skond ma għandu, u mhux skond li ma għandux.”—2 Korintin 8:12.
Għalkemm ħadd ma jistaʼ fil-fatt jgħin lil Jehovah, li hu s-sid taʼ kollox (1 Kronaki 29:14-17), huwa privileġġ li wieħed jagħti kontribuzzjonijiet, għax b’hekk ikollu l-opportunità li juri l-imħabba tiegħu lejn Jehovah. Il-kontribuzzjonijiet li nagħtu, jekk nagħtuhom b’attitudni xierqa u biex navanzaw il-qima vera, u mhux biex niffanfraw jew b’xi motiv egoistiku, iġibu l-ferħ kif ukoll il-barka t’Alla. (Atti 20:35; Mattew 6:1-4; Proverbji 3:9, 10) Wieħed jistaʼ jkun ċert li se jkollu sehem minn dan il-ferħ jekk hu regolarment iwarrab xi ħaġa mill-affarijiet materjali tiegħu biex jagħti l-appoġġ tiegħu għall-qima vera u biex jgħin lil dawk li jixirqilhom.—1 Korintin 16:1, 2.