X’Inhu Verament taʼ Valur?
Xi ħaġa li verament għandha valur tistaʼ tagħmel lil dak li jkun ferħan u eċċitat ħafna. Din x’tistaʼ tkun? Xi kemxa flus ġmielha? Ġojjelli rari jew li jiswew ħafna flus? Fama u prominenza? Għal ħafna minna dawn huma affarijiet taʼ valur kbir. Il-fatt li jkollna dawn l-affarijiet jistaʼ jipprovdilna l-mezz taʼ l-għajxien tagħna, jagħtina skop f’ħajjitna, jew iġagħalna nħossuna sodisfatti u li rnexxejna fil-ħajja. Qegħdin aħna nistinkaw biex nakkwistaw dawn l-affarijiet, bit-tama li jistgħu jgħinuna nwettqu l-miri u l-ambizzjonijiet tagħna għall-futur?
NORMALMENT, xi ħaġa titqies jekk hijiex taʼ valur jew le fuq kemm din tissodisfa l-bżonnijiet u x-xewqat persunali tagħna stess. Ċerti affarijiet ngħożżuhom għax iġagħluna nħossuna tajbin u joffrulna prospett taʼ futur mimli sigurtà, filwaqt li ċerti affarijiet ikunu għal qalbna għax iġibulna serħan u faraġ fil-pront, jew iġagħluna nħossuna apprezzati. Iżda, li nibbażaw il-valur taʼ xi ħaġa fuq ix-xewqat jew l-interessi tagħna li dejjem jinbidlu hu superfiċjali. Fir-realtà, il-valur veru taʼ xi ħaġa hu determinat minn kemm aħna nqisuha bżonnjuża.
X’inhi l-iktar ħaġa li għandna bżonn? Xejn m’għandu valur mingħajr dan l-ingredjent prinċipali—il-ħajja. Mingħajr ħajja ma nistgħux neżistu. Is-Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem kiteb: “Il-mejtin ma jafu xejn . . . Ma jkunx hemm ħidma jew ħsieb, xjenza jew għerf, f’Art l-Imwiet [Xeol jew il-qabar] fejn inti sejjer.” (Koħèlet 9:5, 10) Jekk il-mewt tiġi fuqna, irridu u ma rridux, ikollna nħallu kollox warajna. Mela, l-iktar ħaġa li għandna bżonn hi li niksbu dak li se jgħinna nibqgħu ħajjin. Dan x’inhu?
X’Se Jgħinna Nibqgħu Ħajjin?
“Fihom kenn il-flus,” stqarr is-Sultan Salamun. (Koħèlet 7:12) Jekk ikollna biżżejjed flus nistgħu nixtru l-ikel u xi dar komda. Bil-flus nistgħu ngawdu xi safra lejn xi pajjiż ’il bogħod. Jistgħu jipprovdulna l-bżonnijiet meta ma nkunux nistgħu nkomplu naħdmu minħabba l-età jew il-mard. Il-vantaġġi taʼ li jkollok il-flus huma ħafna. Madankollu, il-flus ma jistgħux jgħinuna nibqgħu ħajjin. L-appostlu Pawlu wissa lil Timotju: “Lil dawk li huma għonja bil-ġid taʼ din l-art widdibhom biex ma jitkabbrux u ma jqegħdux it-tama tagħhom f’għana li ma tistax torbot fuqu, imma li għandhom jittamaw f’Alla.” (1 Timotju 6:17) Il-flus kollha tad-dinja ma jistgħux jixtrulna l-ħajja.
Ikkunsidra din l-esperjenza taʼ raġel jismu Hitoshi. Peress li trabba fil-faqar, Hitoshi kellu xewqa kbira li jsir sinjur. Tant kien jemmen li bil-flus tistaʼ saħansitra tagħmel triq fil-baħar, li kien jaħseb li kien kapaċi jixtri anki lin-nies. Darba minnhom, wieħed raġel mar iħabbat il-bieb taʼ Hitoshi u staqsieh jekk kienx jaf li Ġesù Kristu kien miet għalih. Din il-mistoqsija qajmitlu l-kurżità lil Hitoshi għaliex kien jaħseb li ħadd ma kien se jmut għal xi ħadd bħalu. Hu mar jismaʼ taħdita pubblika minn fuq il-Bibbja u baqaʼ mistagħġeb meta semaʼ t-twissija biex inżommu għajnejna sempliċi. Il-kelliemi spjega li għajn sempliċi tara fil-bogħod u tiffoka fuq affarijiet spiritwali. (Luqa 11:34) Minflok ma beda jitħabat għall-flus, Hitoshi beda jpoġġi l-valuri spiritwali l-ewwel f’ħajtu.
L-affarijiet materjali jistgħu jġibulna wkoll ammont taʼ stabbilità u sigurtà. Jekk inkunu tat-tajjeb ma nkunux ansjużi dwar il-ħobża taʼ kuljum. Dar komda fi nħawi mill-isbaħ tistaʼ ġġagħalna nħossu ċertu sens taʼ sodisfazzjon fil-ħajja. Ħwejjeġ tal-moda u karozza sabiħa jġagħlu lil kulħadd jammirana.
Hija barka li ‘nduqu mill-frott taʼ xogħolna.’ (Koħèlet 3:13) U l-fatt li jkollna iktar milli għandna bżonn jistaʼ jgħin lill-maħbubin tagħna biex ‘jistrieħu, jieklu, jixorbu, u jixxalaw.’ Madankollu, il-valur taʼ l-affarijiet materjali malajr jispiċċa. Biex iwissi kontra x-xenqa, Ġesù Kristu qal: “Għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu.” (Luqa 12:15-21) La l-abbundanza u lanqas il-valur taʼ l-affarijiet materjali ma jistgħu jiggarantulna l-ħajja.
Per eżempju, Liz kienet miżżewġa lil wieħed li kien tat-tajjeb finanzjarjament. Hi tirrakkonta: “Kellna dar sabiħa u żewġ karozzi, u s-sitwazzjoni finanzjarja tagħna kienet tant tajba li setaʼ jkollna kulma tixtieq qalbna . . . Forsi tidher stramba, imma xorta kont ninkwieta fuq il-flus.” Hi tispjega: “Kellna ħafna x’nitilfu. Jidher li iktar ma jkollok inqas tħossok fis-sigurtà.”
Anki l-fama u l-prominenza għandhom valur kbir f’għajnejn ħafna nies għaliex dawn għandhom mnejn iġibulhom tifħir u unur. Fid-dinja taʼ llum, karriera taʼ suċċess hija xi ħaġa taʼ sodisfazzjon kbir u li kulħadd jixtieq li jkollu. Il-fatt li niżviluppaw xi talent jew sengħa mhux komuni għandu mnejn jgħinna nsiru popolari. Forsi n-nies ifaħħruna, jistmaw ħafna l-opinjonijiet tagħna, u jagħmlu minn kollox biex ikollhom l-approvazzjoni tagħna. Dan kollu jistaʼ jkun eċċitanti ferm u sodisfaċenti. Imma, fl-aħħar mill-aħħar, xejn m’hu etern. Salamun kellu l-glorja u s-setgħa kollha li setaʼ jkollu sultan, imma lmenta: “La taʼ l-għaref u lanqas taʼ l-iblah, ma ssaddad it-tifkira . . . it-tnejn ikunu ntesew.” (Koħèlet 2:16) Il-fama u l-prominenza ma jagħtuniex il-ħajja.
Ċertu skultur jismu Celo beda japprezza xi ħaġa ferm iktar prezzjuża mill-fama. Peress li kellu talent kbir, hu kkwalifika għal kors li kien se jtejjiblu l-abbiltajiet tiegħu. Ma damx ma qalaʼ tifħir mill-gazzetti u l-kritiċi taʼ l-arti. Ħafna mill-iskulturi tiegħu ġew esebiti fil-bliet ewlenin taʼ l-Ewropa. Celo jirrakkonta: “Ikolli nammetti li għal xi żmien l-arti kienet l-iktar ħaġa importanti f’ħajti. Madankollu, bdejt nirrealizza li jekk inkompli nistinka fil-karriera tiegħi nkun qisni qed nipprova naqdi żewġ sidien. (Mattew 6:24) Ħassejtni konvint li l-iktar ħaġa importanti li stajt nagħmel kienet li nippriedka l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Għalhekk, ħadt deċiżjoni persunali biex nitlaq ix-xogħol tiegħi bħala skultur.”
X’Inhu Verament taʼ Valur?
Ladarba xejn ma jagħmel sens jew ma hu taʼ valur mingħajr il-ħajja, liema ħaġa nistgħu niksbu li tistaʼ tagħtina garanzija li se nibqgħu ħajjin? Alla Jehovah hu l-għajn taʼ kull ħajja. (Salm 36:10 [36:9, NW]) Tabilħaqq, “bih għandna l-ħajja u niċċaqalqu u neżistu.” (Atti 17:28, NW) Hu jagħti d-don taʼ ħajja taʼ dejjem lil dawk li jħobb. (Rumani 6:23) X’irridu nagħmlu biex niksbu dan id-don?
Jekk nirċivux jew le dan id-don taʼ ħajja taʼ dejjem jiddependi milli jkollna relazzjoni mill-qrib maʼ Jehovah. Għalhekk, l-approvazzjoni tiegħu għandha valur akbar minn kwalunkwe ħaġ’oħra li jistaʼ jkollna. Meta jkollna l-approvazzjoni taʼ Jehovah, ikollna l-prospett taʼ ferħ ġenwin u dejjiemi. Imma mingħajr l-approvazzjoni t’Alla, niffaċċjaw qerda taʼ dejjem. Mela, jidher ċar li kwalunkwe ħaġa li tistaʼ tgħinna niksbu relazzjoni tajba maʼ Jehovah għandha valur imprezzabbli.
Dak li Rridu Nagħmlu
Is-suċċess tagħna jiddependi milli niksbu l-għarfien. L-għajn taʼ l-għarfien eżatt hi l-Kelma taʼ Jehovah, il-Bibbja. Hi biss tgħidilna dak li rridu nagħmlu biex nogħġbu lil Alla. Għalhekk jeħtieġ li nistudjaw l-Iskrittura bir-reqqa. Sforz ħabrieki biex nitgħallmu kulma nistgħu dwar Alla Jehovah u Ġesù Kristu jirriżulta f’‘għarfien li jfisser il-ħajja taʼ dejjem.’ (Ġwann 17:3) Kemm għandna għalfejn ngħożżuh dan it-teżor!—Proverbji 2:1-5.
L-għarfien li niksbu mill-Kelma t’Alla jarmana biex nieħdu l-pass li jmiss—li neżerċitaw fidi f’Ġesù Kristu. Jehovah kkmanda lil dawk kollha li jridu jiġu għandu biex dan jagħmluh permezz taʼ Ġesù. (Ġwann 14:6) Fil-fatt, “f’ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni.” (Atti 4:12) Is-salvazzjoni aħħarija tagħna ma tiddependix ‘mill-fidda jew id-deheb . . . , imma mid-demm għażiż taʼ Kristu.’ (1 Pietru 1:18, 19) Il-fidi tagħna rridu nuruha billi nemmnu t-tagħlim taʼ Ġesù u nimxu fuq l-eżempju tiegħu. (Lhud 12:1-3; 1 Pietru 2:21) U kemm hu prezzjuż is-sagrifiċċju tiegħu! Il-fatt li jiġu applikati l-benefiċċji taʼ dan is-sagrifiċċju jiddetermina l-futur etern taʼ l-umanità kollha. Meta jiġi applikat bis-sħiħ għan-nom tagħna, se ningħataw id-don verament imprezzabbli tal-ħajja taʼ dejjem.—Ġwann 3:16.
Ġesù qal: “Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.” (Mattew 22:37) Li nħobbu lil Jehovah jfisser li “nżommu l-kmandamenti tiegħu.” (1 Ġwann 5:3) Il-kmandamenti tiegħu jirrikjedu li nżommu separati mid-dinja, ikollna dejjem kondotta nadifa, u nappoġġaw is-Saltna tiegħu lealment. Dan hu l-mod li aħna nkunu qed ‘nagħżlu l-ħajja’ minflok il-mewt. (Dewteronomju 30:19) Jekk ‘nersqu lejn Alla, hu jersaq lejna.’—Ġakbu 4:8.
Li nkunu żgurati mill-approvazzjoni t’Alla jiswa bil-wisq iktar milli jkollna t-teżori kollha tad-dinja. Dawk li għandhom din l-approvazzjoni huma l-iktar nies sinjuri fuq l-art! Mela, jalla nistinkaw biex nakkwistaw it-teżor li għandu valur veru—l-approvazzjoni taʼ Jehovah. Għalhekk, ejja ndaħħlu f’qalbna t-twissija taʼ Pawlu: “Fittex li jkollok il-ġustizzja, it-tjieba, il-fidi, l-imħabba, is-sabar, il-ħlewwa. Tqabad it-taqbida t-tajba tal-fidi; qis li tirbaħ il-ħajja taʼ dejjem.”—1 Timotju 6:11, 12.
[Stampi f’paġna 21]
X’inhu l-iktar taʼ valur għalik? Il-flus, l-affarijiet materjali, il-fama, jew xi ħaġ’oħra?
[Stampa f’paġna 23]
Jeħtiġilna nistudjaw l-Iskrittura bir-reqqa