Enriku VIII u l-Bibbja
FIT-TIENI volum tal-ktieb tiegħu History of the English-Speaking Peoples, Winston Churchill kiteb: “Fil-qasam tat-twemmin reliġjuż, ir-Riforma ġabet bidliet profondi. Il-Bibbja issa kisbet awtorità ġdida u iktar vasta. Il-ġenerazzjoni li kienet ixjeħ fl-età kienet tqis il-Kitba Mqaddsa bħala xi ħaġa perikoluża f’idejn min m’huwiex taʼ skola u li din kellha tinqara biss mill-qassisin.”
Ir-rakkont ikompli: “Bibbji sħaħ stampati, tradotti għall-Ingliż minn Tyndale u Coverdale, kienu dehru għall-ewwel darba lejn tmiem il-ħarifa taʼ l-1535, u issa kienu reġgħu ġew stampati diversi edizzjonijiet. Il-Gvern ordna lill-membri tal-kleru biex jinkuraġġixxu l-qari tal-Bibbja.” Wara sekli sħaħ li fihom ħadd ma kien jaf x’tgħid il-Bibbja, issa l-Ingilterra kollha kienet se tibda taqraha; imma dan kien bis-saħħa tal-gvern taʼ Enriku VIII iktar milli bis-saħħa tal-knisja.a
“Dawk li kienu għadhom jaħsbuha la antika ngħataw daqqa taʼ ħarta oħra meta l-Gvern ordna li f’Pariġi jiġu stampati għadd kbir taʼ Bibbji bl-Ingliż li kellhom ikunu iktar lussużi minn kwalunkwe edizzjoni oħra li kienet ħarġet qabel. U f’Settembru taʼ l-1538, il-Gvern ordna li kull parroċċa fil-pajjiż kellha tixtri Bibbja bl-Ingliż mill-kbarnett, biex titqiegħed f’kull knisja, fejn in-nies tal-parroċċa setgħu jilħquha bil-kumdità u jaqrawha. Fil-katidral taʼ San Pawl, fil-qalba tal-Belt taʼ Londra, tpoġġew sitt kopji, u kotriet kbar taʼ nies kienu joħonqu l-katidral kuljum biex jaqrawhom, speċjalment, skond ma ntqalilna, meta kien ikun hemm xi ħadd b’vuċi li twassal u li setaʼ jaqra b’leħen għoli.”
X’ħasra li f’għadd taʼ pajjiżi hemm ħafna li m’humiex qed jieħdu vantaġġ mill-privileġġ li għandhom li jaqraw il-Bibbja regolarment. Din il-ħaġa tagħti lok għal tħassib kbir, ladarba l-Bibbja biss “hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa.”—2 Timotju 3:16.
[Nota taʼ taħt]
a Ir-Re Enriku VIII saltan fuq l-Ingilterra mill-1509 sa l-1547.
[Sors tal-Istampa f’paġna 32]
Enriku VIII: Pittura fir-Royal Gallery f’Kensington, mill-ktieb The History of Protestantism (Vol. I)