Qatt M’Hu Tard Wisq biex Titgħallem
KSENIYA twieldet fl-1897. Hi kellha 3 itfal bniet u tifel, u hi nanna taʼ 15 u bużnanna taʼ 25. F’ħajjitha kollha għamlet dak li l-ġenituri tagħha għallmuha biex tagħmel. Hi kienet ġiet Moska bħala refuġjata mir-Repubblika t’Abkhaz, li tinsab bejn il-Baħar l-Iswed u l-Kawkasu, peress li din ir-repubblika kienet imbiċċra bil-gwerer. Minkejja dan, Kseniya kienet sodisfatta ġmielha b’ħajjitha, speċjalment bil-fidi li wirtet, kif kienet issejħilha hi.
Fl-1993, Meri, bint Kseniya, saret waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah. Meri bdiet titkellem maʼ Kseniya dwar Alla Jehovah u l-Bibbja, imma hi ma riditx tismaʼ. Kseniya baqgħet tgħid lil bintha: “Issa tard wisq għalija biex nitgħallem xi ħaġa ġdida.”
Xorta waħda, Meri, bintha; Londa, il-mara tan-neputi tagħha; u Nana u Zaza, it-tfal tan-neputijiet tagħha, li kollha kienu saru Xhieda taʼ Jehovah, komplew jgħidulha dwar il-Bibbja. Lejla waħda fl-1999, lil Kseniya qrawlha skrittura li messitilha qalbha. Fiha kien hemm il-kliem li jqanqal taʼ Ġesù lill-appostli leali meta kien qed iwaqqaf l-Ikla taʼ Fil-Għaxija tal-Mulej. (Luqa 22:19, 20) Dik il-lejla stess, fl-età taʼ 102, Kseniya ddeċidiet li tibda tistudja l-Bibbja.
“Wara li għalaqt 102,” tgħid Kseniya, “fl-aħħar stajt nifhem l-iskop tal-ħajja. Issa rrealizzajt li m’hemm xejn aħjar milli taqdi lil Jehovah, dak Alla meraviljuż u taʼ mħabba. Jien għadni fuq tiegħi u f’saħħti. Nistaʼ naqra mingħajr nuċċali u nassoċja b’mod attiv mal-familja tiegħi.”
Kseniya tgħammdet fil-5 taʼ Novembru, 2000. Hi tgħid: “Issa qed nagħti ħajti lil Jehovah biex naqdih bl-imħabba. Jien noffri r-rivisti u l-fuljetti waqt li nkun bil-qiegħda fuq stejġ qrib id-dar tiegħi. Il-qraba spiss jiġu jarawni, u bil-ferħ naqsam magħhom il-verità dwar Jehovah.”
Kseniya issa tħares ’il quddiem għal meta ‘ġisimha jixxettel bħal meta kienet tfajla u terġaʼ għaż-żmien taʼ żgħożitha.’ (Ġob 33:25) Jekk persuna li għalqet mitt sena tħoss li m’huwiex tard wisq li titgħallem dwar l-iskop tal-ħajja mill-Bibbja, xi ngħidu għalik?