Evita li Titqarraq
IL-QERQ għandu żmien kważi daqs kemm għandu żmien il-bniedem. Waħda mill-ewwel ġrajjiet imniżżlin fl-istorja kienet att taʼ qerq. Dan kien meta Satana qarraq b’Eva fil-ġnien taʼ l-Għeden.—Ġenesi 3:13; 1 Timotju 2:14.
Għalkemm minn dakinhar ’l hawn ma kienx hemm żmien meta l-qerq ma kienx mifrux fuq l-art, illum żdied b’mod partikulari. Il-Bibbja ħarset bil-quddiem lejn iż-żminijiet taʼ llum u wissiet: “In-nies il-ħżiena u l-uċuħ b’oħra jmorru mill-ħażin għall-agħar, iqarrqu u jitqarrqu.”—2 Timotju 3:13.
In-nies jitqarrqu għal ħafna raġunijiet differenti. Imposturi u nies diżonesti li jagħmlu ħafna wegħdi foloz iqarrqu bin-nies biex jiħdulhom flushom. Xi politikanti jqarrqu bl-eletturi tagħhom, għax ikunu determinati li jibqgħu fil-poter akkost taʼ kollox. In-nies saħansitra jqarrqu bihom infushom. Minflok ma jiffaċċjaw veritajiet li ma jogħġbuhomx, dawn jikkonvinċu lilhom infushom li m’hemm xejn ħażin f’li jieħdu sehem fi prattiċi perikolużi, bħat-tipjip, l-abbuż tad-drogi, jew l-immoralità sesswali.
Imbagħad hemm il-qerq f’affarijiet reliġjużi. Il-mexxejja reliġjużi taʼ żmien Ġesù qarrqu bin-nies. Dwar dawk in-nies qarrieqa, Ġesù qal: “Dawk għomja mexxejja taʼ l-għomja; jekk agħma jmexxi lil agħma ieħor, it-tnejn jaqgħu ġol-ħofra.” (Mattew 15:14) Iktar minn hekk, in-nies iqarrqu bihom infushom fi kwistjonijiet reliġjużi. Proverbji 14:12 jgħid: “Xi ħadd jistaʼ jaħseb li triqtu dritta, iżda mbagħad tmiemha jwassal għall-mewt.”
Bħal fi żmien Ġesù, ħafna llum jitqarrqu fi kwistjonijiet reliġjużi u mhux taʼ b’xejn! L-appostlu Pawlu qal li Satana “dallmilhom il-moħħ tagħhom nieqes mill-fidi, biex ma jarawx jiddi d-dawl taʼ l-Evanġelju glorjuż taʼ Kristu, li hu xbieha taʼ Alla.”—2 Korintin 4:4.
Jekk xi imbroljun iqarraq bina, nitilfu l-flus. Jekk politikant iqarraq bina, nistgħu nitilfu xi ftit mil-libertà tagħna. Imma jekk iqarraq bina Satana u nirrifjutaw il-verità dwar Ġesù Kristu, se nitilfu l-ħajja taʼ dejjem! Mela la titqarraqx. Iftaħ qalbek u moħħok għall-uniku sors taʼ verità reliġjuża li ħadd ma jistaʼ jmerih, il-Bibbja. Jekk le tkun qed tissogra ferm.—Ġwann 17:3.