‘Sir Għaref fil-Futur Tiegħek’
“Il-biċċa l-kbira mill-umanità tuża l-ewwel snin taʼ ħajjitha biex tagħmel l-aħħar snin tagħha miżerabbli.” Hekk qal Jean de La Bruyère, kittieb Franċiż taʼ komponimenti letterarji li kien jgħix fis-seklu 17. Tabilħaqq, żagħżugħ indeċiż jistaʼ joqgħod itellaʼ u jniżżel, u b’hekk jesperjenza dwejjaq u dispjaċir. Min-naħa l-oħra, żagħżugħ stinat jistaʼ jinsisti li jibqaʼ fi triq mhix għaqlija, li iktar tard f’ħajtu tisraqlu l-ferħ. Bi kwalunkwe mod, id-dnubiet t’azzjonijiet li nagħmlu u oħrajn li nonqsu li nagħmlu jistgħu jwasslu għall-miżerja.
Kif nistgħu nevitaw li jiġri dan? Waqt li twissi liż-żgħażagħ biex ma jkunux indeċiżi, il-Bibbja tagħti dan il-parir: “Ftakar f’min ħalqek f’jiem żgħożitek qabel ma jaslu jiem in-niket, u joqorbu s-snin li tgħid għalihom: ‘Xejn ma jogħġbuni.’” (Koħèlet 12:1) Jekk int għadek żagħżugħ, ħu passi pożittivi biex titgħallem dwar “min ħalqek” waqt li għadek żgħir.
Mela, il-Bibbja kif tgħinhom liż-żgħażagħ biex jevitaw imġiba taʼ bluha fiż-żgħożija? Din tgħid: “Agħti widen għall-pariri u aċċetta d-dixxiplina, sabiex int tistaʼ ssir għaref fil-futur tiegħek.” (Proverbji 19:20, NW) Barra minn hekk, il-Bibbja turi biċ-ċar li meta l-għerf divin jitwarrab minħabba traskuraġni jew ribelljoni fiż-żgħożija, jew fi kwalunkwe età oħra, dan iġib konsegwenzi taʼ wġigħ il-qalb. (Proverbji 13:18) Min-naħa l-oħra, meta nagħtu kas id-direttivi divini, dan jirriżulta f’“għomor twil u ħafna snin, u riżq tajjeb,” ħajja sodisfaċenti u taʼ ferħ.—Proverbji 3:2.