Xhieda taʼ Jehovah Maqtula Jiġu Mfakkra
FIS-7 taʼ Marzu, 2002, ġewwa l-belt taʼ Körmend fil-punent taʼ l-Ungerija nkixfet plakka kommemorattiva. Din fakkret il-mewt taʼ tliet Xhieda taʼ Jehovah maqtula min-Nazisti fl-1945.
Il-plakka hija mwaħħla mal-ħajt fejn illum hemm il-kwartieri tad-dipartiment tat-tifi tan-nar ġo Hunyadi Road, fejn saru l-esekuzzjonijiet fil-pubbliku. Il-plakka kienet dedikata għall-memorja tal-‘Kristjani li ġew maqtula talli oġġezzjonaw minħabba l-kuxjenza tagħhom, f’Marzu taʼ l-1945. Antal Hőnisch (1911-1945), Bertalan Szabó (1921-1945), János Zsondor (1923-1945), 2002, Xhieda taʼ Jehovah.’
L-esekuzzjonijiet saru xahrejn biss qabel tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija. Dawn il-Kristjani għal liema raġuni ġew maqtula? Il-gazzetta taʼ l-Ungerija Vas Népe tispjega: “Wara li Hitler kiseb il-poter fil-Ġermanja, mhux biss il-Lhud imma anki x-Xhieda taʼ Jehovah leali kienu l-mira taʼ persekuzzjoni u tortura, kamp tal-konċentrament u mewt jekk ma jiċħdux il-konvinzjoni reliġjuża tagħhom. . . . F’Marzu taʼ l-1945, biżaʼ totali ħakem il-punent taʼ l-Ungerija. . . . Parti mill-biżaʼ li kellhom kienet li membri tax-Xhieda taʼ Jehovah jiġu deportati u maqtula.”
Il-programm taʼ meta nkixfet il-plakka kien maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel waħda saret fit-teatru Batthyány Castle, fejn fost il-kelliema kien hemm il-Professur Szabolcs Szita, kap taċ-Ċentru tad-Dokumentazzjoni taʼ l-Olokawst ġo Budapest; László Donáth, membru tal-Kumitat Parlamentari tad-Drittijiet tal-Bniedem, Kwistjonijiet Reliġjużi u taʼ Minoranza, u Kálmán Komjáthy, xhud li ra b’għajnejh stess l-esekuzzjonijiet u li issa huwa l-istudjuż taʼ l-istorja fil-belt. Il-500 ruħ u iktar li kien hemm preżenti mxew tul il-belt għat-tieni parti tal-programm—il-kxif tal-plakka li sar mis-Sindku taʼ Körmend, József Honfi.
Fl-ittra li kiteb qabel ma miet, Ján Žondor (János Zsondor) ħeġġeġ lil ħutu Kristjani rġiel u nisa biex ma jitnikktux. Hu kiteb: “F’moħħi għad għandi l-kliem taʼ Ġwanni li nsibu f’Apokalissi 2:10: ‘Ibqaʼ fidil sal-mewt.’ . . . Għidu lill-qraba u lill-ħbieb biex ma jitnikktux, għax jien se mmut minħabba l-verità u mhux bħala kriminal.”
[Stampa f’paġna 32]
Bertalan Szabó
[Stampa f’paġna 32]
Antal Hőnisch
[Stampa f’paġna 32]
Ján Žondor