Is-Sodisfazzjon u l-Garanzija taʼ Xogħol Jinsabu Mhedda
“ID-DRITT għax-xogħol” huwa fundamentali għall-bnedmin kollha, skond id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani, maħruġa mill-Ġnus Magħquda. Madankollu, dan id-dritt m’huwiex dejjem garantit. Il-garanzija taʼ xogħol tiddependi minn ħafna affarijiet—ibda mill-qagħda ġenerali taʼ l-ekonomiji lokali sal-qagħda tas-suq globali. Minkejja dan, meta n-nies jiġu mhedda li se jitkeċċew mix-xogħol jew saħansitra jingħataw is-sensja, ġeneralment ikun hemm dimostrazzjonijiet, rewwixti u strajkijiet. Ftit huma l-pajjiżi li ma jintlaqtux minn dawn l-affarijiet. Anki l-kelma “xogħol,” qal wieħed kittieb, “hija, bħalma dejjem kienet, kelma li tqanqal emozzjonijiet jaħarqu.”
Ix-xogħol huwa importanti għalina għal ħafna raġunijiet. Minbarra li jipprovdilna l-għajxien tagħna, jgħinna biex inħossuna tajbin mentalment u emozzjonalment. Ix-xogħol jissodisfa x-xewqa li kull bniedem għandu biex ikun membru produttiv tas-soċjetà u jkollu skop f’ħajtu. Barra minn hekk, inissel fina ċertu ammont taʼ rispett lejna nfusna. Għaldaqstant, hemm nies li avolja m’għandhomx għalfejn jaħdmu jew li waslu biex jirtiraw, huma jippreferu jibqgħu jaħdmu. Iva, ix-xogħol tant huwa importanti li jekk ma jkunx hemm biżżejjed xogħol għal kulħadd, dan jistaʼ jwassal għal problemi soċjali serji ħafna.
Mill-banda l-oħra, hemm dawk li għandhom xogħol imma tant qed jiffaċċjaw pressjonijiet fuq il-post tax-xogħol li dan m’għadux iġibilhom sodisfazzjon. Per eżempju, minħabba li llum hawn suq kompetittiv għall-aħħar, għadd li dejjem jikber taʼ kumpaniji qed inaqqsu l-ħaddiema tagħhom biex jaqtgħu ftit mill-ispejjeż. Dan għandu mnejn jitfaʼ tagħbija żejda fuq il-ħaddiema li jifdal, u b’hekk ikollhom jaħdmu iżjed.
It-teknoloġija moderna, li suppost tagħmel il-ħajja eħfef u x-xogħol iktar effiċjenti, għandha mnejn żiedet il-pressjonijiet fuq il-post tax-xogħol. Per eżempju, permezz tal-kompjuters, il-magni tal-fax, u l-Internet, in-nies għandhom l-għażla li jekk iridu jistgħu jieħdu x-xogħol tagħhom u jkompluh id-dar wara l-ħin normali. B’hekk, jispiċċaw li lanqas differenza ma jibqgħalhom bejn il-post tax-xogħol u d-dar. Wieħed ħaddiem ħass li l-pager u t-telefon ċellulari tal-kumpanija tiegħu kienu qishom iċ-ċinga inviżibbli taʼ xi kelb, li l-imgħallem jiġbidha meta jfettillu.
Hekk kif l-ambjent ekonomiku u dak tax-xogħol qed jinbidlu mil-lejl għan-nhar, ħafna nies li qed jikbru fl-età qed jibżgħu li l-kumpaniji fejn jaħdmu jibdew iqisuhom bħala li m’għadhomx iktar produttivi fix-xogħol, qabel fil-fatt ma jaslu biex jirtiraw. Dwar dan, l-ex-Kummissarju tad-Drittijiet Umani Chris Sidoti qal: “Donnha teżisti idea ġenerali li jekk m’għandekx inqas minn 40 sena, m’intix kapaċi tuża l-kompjuters u t-teknoloġija moderna.” Għaldaqstant, ħafna nies ħabrieka, li qabel kienu jitqiesu li qegħdin fl-aħjar taʼ ħajjithom, illum il-ġurnata jitqiesu li xjaħu wisq biex ikunu utli. X’ħasra!
Mela, mhux taʼ b’xejn li l-etika fuq ix-xogħol u l-lealtà lejn il-kumpanija ħadu daqqa taʼ ħarta f’dawn l-aħħar snin. “Meta l-kumpaniji jagħtu s-sensja lill-ħaddiema maʼ l-inqas ċaqliqa li jistaʼ jkun hemm fis-suq taʼ l-ishma, il-lealtà lejn il-kumpanija ssir xi ħaġa tal-passat,” tgħid ir-rivista Franċiża Libération. “M’għandniex xi ngħidu, trid taħdem, imma taħdem biex tgawdi int, u mhux il-kumpanija.”
Minkejja dawn il-problemi li qed jiżdiedu, jibqaʼ l-fatt li l-bniedem għandu bżonn jaħdem. Għalhekk, f’dawn iż-żminijiet li kulma jmorru dejjem jinbidlu, kif jistaʼ wieħed jikkultiva ħarsa bilanċjata lejn ix-xogħol sekulari, u fl-istess ħin, ikompli jkollu sodisfazzjon u garanzija li se jkollu xogħol?
[Stampa f’paġna 3]
It-teknoloġija moderna għandha mnejn kompliet iżżid mal-pressjonijiet fuq il-post tax-xogħol