Is-Sinċerità—taʼ Min Jixtieqha, imma Hija Biżżejjed?
HIJA s-sinċerità verament taʼ min jixtieqha fil-ħajja tagħna taʼ kuljum? Ċertu dizzjunarju jgħid li l-kelma “sinċerità” tfisser li tkun ħieles mill-qerq jew l-ipokrisija, onest, u ġenwin. Bla dubju, din il-kwalità hija taʼ ġid biex issaħħaħ relazzjonijiet tajbin m’oħrajn. L-appostlu Pawlu wissa: “Intom, lsiera, isimgħu f’kollox mis-sidien tagħkom bnedmin, mhux biex jarawkom huma u togħġbu lilhom, imma mill-qalb sempliċi [jew, “bis-sinċerità tal-qalb,” NW] tagħkom, għax tibżgħu mill-Mulej.” (Kolossin 3:22) Min ma japprezzax li jkollu individwu sinċier bħal dan jaħdem għalih? Illum, nies li huma sinċieri jistaʼ jkollhom iktar ċans li jsibu u jżommu l-impjiegi tagħhom.
Madankollu, is-sinċerità hija tant mixtieqa minħabba l-mod kif din teffettwa r-relazzjoni tagħna m’Alla. L-Iżraelin tal-qedem gawdew il-barka t’Alla meta osservaw il-liġijiet u l-festi bir-reqqa. Meta kien qed jitkellem dwar l-indafa fil-kongregazzjoni, Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani: “Nagħmlu festa, mhux bil-ħmira l-qadima, anqas bil-ħmira tal-qerq u tal-ħażen, imma bil-ħobż bla ħmira tas-safa [jew, “taʼ sinċerità,” NW] u tas-sewwa.” (1 Korintin 5:8) Biex il-qima tagħna tiġi aċċettata minn Alla, is-sinċerità mhix biss hija mixtieqa imma wkoll essenzjali. Madankollu, innota li s-sinċerità waħedha m’hijiex biżżejjed. Għandha tmur id f’id mal-verità.
Dawk li bnew it-Titanic u l-passiġġieri, forsi sinċerament ħasbu li l-vapur enormi ma setax jegħreq. Iżda, fl-ewwel vjaġġ tiegħu fl-1912, ħabat maʼ blokka silġ fil-baħar u 1,517-il ruħ tilfu ħajjithom. Ċerti Lhud taʼ l-ewwel seklu forsi sinċerament kienu konvinti mill-mod kif kienu jqimu lil Alla, imma l-ħeġġa tagħhom ‘ma kinitx skond l-għerf veru.’ (Rumani 10:2) Sabiex aħna niġu aċċettati minn Alla, it-twemmin sinċier tagħna jrid ikun ibbażat fuq informazzjoni eżatta. Ix-Xhieda taʼ Jehovah fil-komunità tiegħek se jieħdu pjaċir jgħinuk teżamina x’hemm involut biex taqdi lil Jehovah bis-sinċerità u l-verità.