“Ersqu Lejn Alla, U Hu Jersaq Lejkom”
Qabel u Wara—Kif il-Bibbja Biddlet lil Dan ir-Raġel
GĦAL Rolf-Michael il-mużika kienet ħajtu. Kien ossessjonat fuq id-drogi. Bħala żagħżugħ fil-Ġermanja, hu kkonsma kwantitajiet kbar t’alkoħol u spiss uża l-LSD, il-kokaina, il-ħaxixa, u sustanzi oħra li jeffettwaw il-moħħ.
Waqt li kien qed jipprova jdaħħal id-drogi f’pajjiż Afrikan, Rolf-Michael kien arrestat u qattaʼ 13-il xahar il-ħabs. Iż-żmien li għamel il-ħabs tah ċans jaħseb dwar l-iskop veru tal-ħajja.
Rolf-Michael u l-mara tiegħu, Ursula, fittxew bil-ħerqa għall-iskop tal-ħajja u l-verità. Minkejja d-diżappunti li kellhom mill-hekk imsejħa knejjes Kristjani, huma kellhom xewqa qawwija li jsiru jafu lil Alla. Imma huma kellhom mistoqsijiet u ma rċivewx tweġibiet sodisfaċenti minn diversi gruppi reliġjużi. Barra minn hekk, dawn ir-reliġjonijiet ma tawhomx motivazzjoni qawwija biżżejjed biex iġġagħalhom ibiddlu ħajjithom.
Rolf-Michael u Ursula eventwalment iltaqgħu max-Xhieda taʼ Jehovah. Wara li beda jistudja l-Bibbja, Rolf-Michael kien imqanqal profondament mit-twissija: “Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom.” (Ġakbu 4:8) Hu kien determinat li ‘jinżaʼ l-personalità qadima li taqbel maʼ kif kien iġib ruħu qabel u jilbes il-personalità ġdida li kienet maħluqa skond ir-rieda t’Alla fil-ġustizzja u l-lealtà vera.’—Efesin 4:22-24, NW.
Rolf-Michael kif setaʼ jilbes il-personalità ġdida? Hu ġie muri mill-Bibbja li “permezz taʼ l-għarfien eżatt” il-personalità taʼ individwu tistaʼ “tiġġedded skond ix-xbiha tal-Wieħed li ħalaqha,” jiġifieri taʼ Jehovah.—Kolossin 3:9-11, NW.
Hekk kif beda jikseb l-għarfien eżatt, Rolf-Michael beda jfittex li jġib ħajtu fi qbil mal-prinċipji tal-Kelma t’Alla. (Ġwanni 17:3) Kien diffiċli li jieqaf jieħu d-drogi, imma Rolf-Michael irrikonoxxa l-valur taʼ li navviċinaw lil Jehovah bit-talb u li nesperjenzaw l-għajnuna tiegħu. (1 Ġwanni 5:14, 15) Hu rċieva iktar għajnuna meta ssieħeb mill-qrib maʼ dawk li kienu diġà Xhieda taʼ Jehovah, li jaħdmu tant iebes biex jagħmlu r-rieda t’Alla.
L-għarfien dwar li d-dinja qed tgħaddi u li dawk li jagħmlu r-rieda t’Alla se jgħixu għal dejjem ukoll kien t’għajnuna għal Rolf-Michael. Għenu jagħżel, mhux l-imħabba temporanja għad-dinja, imma l-barka dejjiema li tiġi minn relazzjoni mill-qrib maʼ l-Alla kollu mħabba, Jehovah. (1 Ġwanni 2:15-17) Rolf-Michael kien imqanqal profondament bil-kliem taʼ Proverbji 27:11: “Kun għaref, ibni, u ferraħli qalbi, biex inkun nistaʼ nwieġeb lil min jgħajjarni.” Hu jgħid b’apprezzament: “Dan il-vers juri kemm hi profonda l-imħabba li għandu Jehovah, ladarba jagħti lill-bnedmin l-opportunità li jferrħulu qalbu.”
Bħal Rolf-Michael, il-mara tiegħu, u t-tlett itfal tagħhom, mijiet t’eluf taʼ nies ibbenefikaw meta segwew il-prinċipji tal-Bibbja. Individwi bħal dawn jistgħu jinstabu fil-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja kollha. B’dispjaċir però, f’xi pajjiżi x-Xhieda huma akkużati b’mod falz li huma setta perikoluża li tkisser il-familji. L-esperjenza taʼ Rolf-Michael tagħti prova li dan mhux minnu.—Lhud 4:12.
Rolf-Michael jgħid li Mattew 6:33, li jħeġġiġna biex nagħtu prijorità lil miri spiritwali, hu l-“boxxla” tal-familja tiegħu li tiggwidahom lejn id-direzzjoni t-tajba. Hu u l-familja tiegħu huma verament grati lejn Jehovah għall-ħajja ferħana tal-familja li jgawdu bħala Kristjani. Huma jħossuhom bħalma ħassu s-salmista li kanta: “Xi nrodd lill-Mulej għall-ġid kollu li għamel miegħi?”—Salm 116:12.
[Kumment f’paġna 9]
Alla jagħti lill-bnedmin l-opportunità li jferrħulu qalbu
[Kaxxa f’paġna 9]
Il-Prinċipji tal-Bibbja Jagħmlu Xogħolhom
Fost il-prinċipji Bibliċi li qanqlu lil ħafna biex jabbandunaw vizzji qerrieda huma dawn li ġejjin:
“O intom li tħobbu l-Mulej, obogħdu l-ħażen!” (Salm 97:10, Karm Żammit) Wara li individwu jikkonvinċi ruħu dwar kemm huma ħżiena dawn il-prattiċi li jistgħu joqtlu u kif ukoll jiżviluppa mibegħda ġenwina għalihom, hu jsibha iktar faċli biex jagħmel dak li jogħġob lil Alla.
“Min jagħmilha maʼ l-għaref, isir għaref, min imur mal-boloh, jaqaʼ fl-hemm.” (Proverbji 13:20) Sabiex jgħid le għad-drogi u għal sustanzi oħra, dak li jkun irid jagħżel tajjeb il-kumpanija tiegħu. Jekk jikkultiva ħbiberiji maʼ Kristjani li jappoġġaw id-deċiżjoni tiegħu dawn se jkunu t’għajnuna kbira.
“Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jistaʼ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.” (Filippin 4:6, 7) Paċi tal-qalb u tal-moħħ bħal din ma tistaʼ titqabbel m’ebda ħaġa oħra. U fiduċja bħal din f’Alla permezz tat-talb tgħin lil dak li jkun biex jittratta l-problemi tal-ħajja mingħajr ma jirrikorri għad-drogi.