‘Tintrabtux taħt Madmad li Mhux Indaqs’
BĦALMA tistaʼ tara hawnhekk, il-ġemel u l-barri li qed jaħartu flimkien ma tantx jidhru komdi. Il-madmad li qed iżommhom flimkien—li suppost jintlibes minn żewġ bhejjem taʼ l-istess daqs u saħħa—qed iġagħalhom ibatu t-tnejn li huma. Alla ma jridx li jinħaqru l-annimali li jiġbdu t-tagħbija, u għalhekk hu ta dan il-kmand lill-Iżraelin: “La taħratx b’baqra u ħmar flimkien.” (Dewteronomju 22:10) L-istess prinċipju japplika wkoll għal barri u ġemel.
Normalment, bidwi ma jġagħalx lill-annimali tiegħu jbatu bla bżonn. Imma jekk hu ma jkollux żewġ barrin, forsi jorbot taħt madmad wieħed liż-żewġ annimali li jkollu. Mid-dehra, hekk iddeċieda li jagħmel dan il-bidwi tas-seklu 19, li jidher hawn fl-istampa. Minħabba d-differenza fid-daqs u t-toqol, il-bhima d-dgħajfa jkollha titħabat ħafna biex tipprova tlaħħaq, u l-bhima b’saħħitha tispiċċa ġġorr tagħbija akbar.
L-appostlu Pawlu uża t-tixbiha tal-madmad mhux indaqs biex jgħallimna lezzjoni importanti. “La tintrabtux maʼ dawk li ma jemmnux taħt madmad li mhux indaqs,” hu kiteb. “Għax x’tisħib jistaʼ jkun hemm bejn il-ġustizzja u l-ħażen? Liema xirka bejn id-dawl u d-dlam?” (2 Korintin 6:14, Saydon) Kristjan kif jistaʼ jintrabat taħt madmad mhux indaqs?
Mod wieħed hu billi jagħżel li jiżżewweġ lil persuna li ma tħaddanx l-istess twemmin tiegħu. Rabta bħal din tkun diffiċli għat-tnejn li huma, għax il-koppja ma tkunx taqbel fl-iktar affarijiet fundamentali.
Meta Jehovah oriġina ż-żwieġ, lill-mara riedha li tkun “għajnuna,” jew “kumplament.” (Ġenesi 2:18) Bl-istess mod, permezz tal-profeta Malakija, Alla rrefera għall-mara bħala “sieħba.” (Malakija 2:14) Il-Ħallieq tagħna jrid li l-koppji miżżewġin jiġbdu ħabel wieħed fl-istess direzzjoni spiritwali, jaqsmu t-tagħbija u jaħsdu l-benefiċċji kif jixraq.
Meta Kristjan jiżżewweġ biss “fil-Mulej” ikun qed juri rispett lejn il-parir taʼ Missierna tas-sema. (1 Korintin 7:39) Dan ipoġġi pedament għal żwieġ magħqud, li jistaʼ jġib tifħir u glorja lil Alla hekk kif huma bħala koppja jaqduh bħala ‘sħab ġenwini taħt l-istess madmad’ f’sens speċjali.—Filippin 4:3, NW.
[Sors tal-Istampa f’paġna 32]
Ġemel u barri: Mill-ktieb La Tierra Santa, l-1 Volum, 1830