Il-Qaddejja t’Alla Huma bħal Siġar—B’Liema Modi?
META tkellem dwar individwu li jitgħaxxaq bi prinċipji Bibliċi u japplikahom f’ħajtu, is-salmista qal: “Hu bħal siġra mħawwla ħdejn nixxigħat taʼ l-ilma li tagħmel il-frott fi żmienha, u l-weraq tagħha ma jidbielx; hu jirnexxi f’kull ma jagħmel.” (Salm 1:1-3) Din it-tixbiha għala hija xierqa?
Is-siġar jistgħu jgħixu għal żmien twil ħafna. Per eżempju, jingħad li xi siġar taż-żebbuġ fir-reġjun tal-Mediterran għandhom minn elf sa elfejn sena. Bl-istess mod, is-siġar tal-baobab fl-Afrika ċentrali jgħixu għal ħafna żmien, u tip taʼ siġra taʼ l-arżnu f’Kalifornja jintqal li għandha maʼ l-4,600 sena. Ġo foresta, is-siġar kbar spiss huma taʼ benefiċċju għall-ambjent taʼ madwarhom. Per eżempju, siġar twal jipprovdu dell protettiv għas-siġar żgħar, u l-weraq li jaqaʼ mis-siġar isaħħaħ il-ħamrija li jkun hemm taħthom.
L-iktar siġar twal fid-dinja spiss jinsabu jikbru flimkien ġo foresti, fejn siġar individwali jappoġġaw lil xulxin. Ladarba l-għeruq tagħhom jistgħu jkunu minsuġin, numru taʼ siġar miġburin flimkien jistgħu jifilħu għal maltempata ħafna aħjar minn siġra waħedha f’nofs għalqa. Sistema kbira t’għeruq tgħin ukoll lil siġra biex tikseb biżżejjed ilma u nutrimenti mill-ħamrija. F’xi każi, l-għeruq jistgħu jinżlu fil-fond iktar mit-tul tas-siġra, jew l-għeruq jistgħu jinfirxu b’mod orizzontali iktar mill-firxa li tkopri s-siġra.
L-appostlu Pawlu setaʼ kien qed jirreferi għal siġra meta spjega li l-Kristjani għandhom ‘jgħixu magħqudin miegħu [Kristu], iniżżlu għeruqhom fih, jibnu l-ħajja tagħhom fuqu; u jissaħħu fil-fidi.’ (Kolossin 2:6, 7) Tabilħaqq, il-Kristjani jistgħu jibqgħu sodi fil-fidi biss jekk ikollhom għeruqhom imniżżlin sod fi Kristu.—1 Pietru 2:21.
B’liema modi oħra jistgħu l-qaddejja t’Alla jiġu mqabblin maʼ siġar? Sewwasew bħalma siġar f’masġar jirċievu appoġġ minn siġar fil-viċin, hekk ukoll dawk kollha li jibqgħu qrib il-kongregazzjoni Kristjana jirċievu appoġġ minn sħabhom fit-twemmin. (Galatin 6:2) Kristjani leali u maturi, li għandhom għeruq spiritwali mifruxin, jgħinu lil aduraturi iktar ġodda jibqgħu sodi fil-fidi, anki meta jiffaċċjaw oppożizzjoni bħal maltempata. (Rumani 1:11, 12) Kristjani ġodda jistgħu jiffjorixxu fid-“dell” protettiv taʼ qaddejja t’Alla li għandhom iktar esperjenza. (Rumani 15:1) U l-membri kollha tal-kongregazzjoni Kristjana madwar id-dinja jibbenefikaw min-nutriment li jibni spiritwalment provdut mis-siġar tal-“ballut tas-sewwa,” il-fdal midluk.—Isaija 61:3.
Kemm hu kommoventi li l-qaddejja kollha t’Alla għandhom il-prospett li jesperjenzaw it-twettiq tal-wegħda li nsibu f’Isaija 65:22, li jgħid: “Il-poplu tiegħi jgħix daqs kemm jgħixu s-siġar.”
[Sors tal-Istampa f’paġna 28]
Godo-Foto