Mistoqsijiet mill-Qarrejja
L-irġiel Iżraelin għala setgħu jiżżewġu priġunieri barranin ladarba l-Liġi Mosajka kienet tikkmanda li ma kellhomx jiżżewġu ċerti barranin?—Dewteronomju 7:1-3; 21:10, 11.
Ir-raġuni għala kienu jitħallew jagħmlu dan kellha x’taqsam maʼ ċirkustanzi speċjali. Jehovah kien ikkmanda lill-Iżraelin biex jeqirdu l-bliet taʼ sebat iġnus fl-art taʼ Kangħan, u joqtlu l-abitanti tagħhom kollha. (Dewteronomju 20:15-18) Fil-każ taʼ ġnus oħra, l-uniċi adulti li x’aktarx kienu jibqgħu ħajjin kienu n-nisa verġni li jinqabdu priġunieri. (Numri 31:17, 18; Dewteronomju 20:14) Raġel Iżraeli setaʼ jiżżewweġ waħda minn dawn in-nisa, imma biss jekk din kienet tagħmel ċerti affarijiet.
Rigward dak li kellhom jagħmlu dawn in-nisa, il-Bibbja tgħid: “Hi tqarweż rasha, u taqtaʼ difrejha. Tneħħi minn fuqha l-ilbies taʼ priġuniera u toqgħod f’darek, tibki lil missierha u lil ommha għal xahar, u mbagħad int tkun tistaʼ tersaq lejha, u int tkun żewġha u hi martek.”—Dewteronomju 21:12, 13.
Jekk Iżraeli kien irid jiżżewweġ verġni mill-priġunieri, hi kellha tqarweż rasha. Il-qtugħ tax-xagħar kien espressjoni taʼ vistu jew niket. (Isaija 3:24) Per eżempju, meta l-patrijarka Ġob tilef lil uliedu kollha u l-proprjetà tiegħu, hu qataʼ xagħru bħala sinjal taʼ vistu. (Ġob 1:20) Il-mara barranija kellha wkoll “taqtaʼ difrejha,” forsi b’tali mod li anki kieku kellha tiżbogħhom, idejha ma kinux se jidhru sbieħ. (Dewteronomju 21:12) X’kien “l-ilbies taʼ priġuniera” li kellha tneħħi l-ilsira? In-nisa tal-bliet pagani kellhom l-użanza li meta jkunu waslu biex jinqabdu, jilbsu l-aħjar ħwejjeġ tagħhom bit-tama li jogħġbu lil min jaqbadhom. Ilsira bil-vistu kellha tneħħi dan l-ilbies minn fuqha.
Ilsira li kienet tkun se tiżżewweġ raġel Iżraeli kellha ddum xahar bil-vistu għall-maħbubin mejtin tagħha. Il-qerda tal-bliet megħlubin tant kellha ssir bir-reqqa li l-familja kollha tagħha u kulmin kienet taf qabel ma kinux se jibqgħu jeżistu. Peress li s-suldati Iżraelin ikunu qerdu x-xbihat taʼ l-allat tagħha, l-affarijiet li kienet tadura ma kinux se jkunu jeżistu iktar. Ix-xahar tal-vistu kien iservi wkoll taʼ perijodu għall-purifikazzjoni. Matulu l-ilsira kellha teħles minn kulma kellu x’jaqsam mal-qima reliġjuża tagħha fil-passat.
Iżda s-sitwazzjoni kienet differenti fil-każ taʼ nisa barranin b’mod ġenerali. F’dan ir-rigward, Jehovah ikkmanda: “La titħattinx magħhom. Lil bintek tagħtihiex lil binhom, u anqas ma tieħu lil binthom għal ibnek.” (Dewteronomju 7:3) Għalfejn saret din ir-restrizzjoni? Dewteronomju 7:4 jgħid: “Għax dan ibiegħed lil ibnek minni biex iservi allat oħra.” Mela, il-projbizzjoni kienet bl-iskop li tipproteġi lill-Iżraelin milli jitniġġsu minn reliġjonijiet oħra. Madankollu, mara barranija fiċ-ċirkustanzi deskritti f’Dewteronomju 21:10-13 ma kinitx toħloq dan it-tip taʼ periklu. Qrabatha kollha kienu mejtin, u x-xbihat li kienu jirrappreżentaw lill-allat tagħha kienu meqrudin. Ma kien se jkollha ebda kuntatt maʼ dawk li jipprattikaw ir-reliġjon falza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Iżraeli setaʼ jiżżewweġ waħda barranija.