Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Ġesù rxoxtat għala stieden lil Tumas biex imissu mentri qabel ma kienx ħalla lil Marija l-Maddalena tagħmel hekk?
Xi traduzzjonijiet tal-Bibbja jagħtu l-impressjoni li Ġesù qal lil Marija l-Maddalena biex ma tmissux. Per eżempju, it-traduzzjoni taʼ l-Għaqda Biblika Maltija tittraduċi l-kliem taʼ Ġesù b’dan il-mod: “La tmissnix, għax għadni ma tlajtx għand il-Missier.” (Ġwanni 20:17) Madankollu, il-verb oriġinali bil-Grieg, li ġeneralment jiġi tradott “mess,” ifisser ukoll “qabad maʼ, iddendel maʼ, iggranfa maʼ, żamm.” Mela b’mod raġunat, Ġesù ma qalx lil Marija l-Maddalena biex ma tmissux, ladarba lil nisa oħra li kienu ħdejn il-qabar ħalliehom ‘jaqbdulu saqajh.’—Mattew 28:9.
Ħafna traduzzjonijiet b’lingwaġġ modern, bħat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana, The New Jerusalem Bible, u The New English Bible, jgħinuna nifhmu t-tifsir veru tal-kliem taʼ Ġesù billi jittraduċuh hekk: “Tibqax imqabbda miegħi.” Ġesù għala qalilha hekk lil Marija l-Maddalena, li kienet ħabiba tiegħu?—Luqa 8:1-3.
X’aktarx li Marija l-Maddalena bdiet tibżaʼ li Ġesù dalwaqt kien se jitlaq u jitlaʼ s-sema. Minħabba x-xewqa qawwija li tkun mal-Mulej tagħha, hi qabdet maʼ Ġesù u żammitu sod biex ma tħallihx jitlaq. Sabiex jiżguraha li ma kienx sejjer għal issa, Ġesù qal lil Marija biex ma tibqax imqabbda miegħu imma minflok tmur tgħid lid-dixxipli tiegħu bl-aħbar li kien irxoxta.—Ġwanni 20:17.
Il-konversazzjoni bejn Ġesù u Tumas kienet differenti. Meta Ġesù deher lil xi wħud mid-dixxipli, Tumas ma kienx hemm. Iktar tard, Tumas esprima d-dubji tiegħu dwar l-irxoxt taʼ Ġesù, u qal li ma kienx se jemmen jekk ma jarax il-feriti taʼ l-imsiemer f’idejn Ġesù u ma jqegħedx idu ġol-ġenb minfud taʼ Ġesù. Tmint ijiem wara, Ġesù reġaʼ deher lid-dixxipli. Din id-darba, Tumas kien preżenti, u Ġesù stiednu jmiss il-feriti.—Ġwanni 20:24-27.
B’hekk, fil-każ taʼ Marija l-Maddalena, Ġesù kien qed jieħu ħsieb sitwazzjoni li fiha persuna kellha x-xewqa żbaljata li ma tħallihx jitlaq; fil-każ taʼ Tumas, Ġesù kien qed jgħin lil xi ħadd li kellu d-dubji. Fiż-żewġ każi, Ġesù kellu raġunijiet tajbin biex jagħmel dak li għamel.