“Ibqgħu Għassa”
FI ŻMIEN l-antik, kien hemm uħud li kienu joqogħdu għassa mal-bibien tal-belt u d-dħul tat-tempju u, xi drabi, mal-bibien taʼ djar privati. Barra li kienu jagħmlu ċert li l-bibien ikunu magħluqin bil-lejl, dawn l-irġiel riedu wkoll joqogħdu għassa. Dan l-inkarigu kien iġorr responsabbiltà kbira miegħu, għax is-sigurtà tal-belt kienet tiddependi mill-għajta tagħhom biex iwissu dwar il-periklu li jkun ġej.
Ġesù Kristu wkoll kien familjari max-xogħol taʼ l-għassiesa tal-bibien. F’okkażjoni minnhom, hu xebbah lid-dixxipli tiegħu mal-qaddejja li jkunu mal-bibien u inkuraġġiehom sabiex jibqgħu għassa għat-tmiem tas-sistema Lhudija. Hu qal: “Ibqgħu għassu, ibqgħu mqajmin, għax ma tafux meta hu ż-żmien stabbilit. Hu bħal raġel li siefer u ħalla daru u . . . ordna lil tal-bieb jibqaʼ għassa. Għalhekk, ibqgħu għassa, għax ma tafux meta ġej sid id-dar.”—Marku 13:33-35.
Bl-istess mod, għal iktar minn 125 sena, dan il-ġurnal, It-Torri taʼ l-Għassa, wassal il-kliem inkuraġġanti taʼ Ġesù sabiex ‘nibqgħu għassa.’ Kif? Bħalma hemm imniżżel f’paġna 2 taʼ din ir-rivista, “It-Torri taʼ l-Għassa joqgħod attent għall-ġrajjiet tad-dinja hekk kif dawn iwettqu l-profezija tal-Bibbja. Ifarraġ lill-popli kollha bl-aħbar tajba li s-Saltna t’Alla dalwaqt se teqred lil dawk li jgħakksu lil bnedmin sħabhom u li din se tbiddel l-art f’ġenna.” It-Torri taʼ l-Għassa, li d-distribuzzjoni tiegħu madwar id-dinja hija taʼ 26,000,000 kopja b’150 lingwa, huwa l-iktar rivista reliġjuża mqassma fid-dinja. Permezz t’hekk, ix-Xhieda taʼ Ġeħova, bħall-għassiesa tal-bibien fiż-żminijiet tal-qedem, qed iħeġġu lin-nies kullimkien sabiex ‘jibqgħu għassa’ spiritwalment għax is-Sid, Ġesù Kristu, dalwaqt jerġaʼ jiġi u jesegwixxi ġudizzju fuq din is-sistema.—Marku 13:26, 37.