Ġrajja li Għandna Niftakruha
Xi ġrajja hi din? Hija l-mewt taʼ raġel li miet madwar 2,000 sena ilu. “Nagħti ruħi, sabiex nerġaʼ nirċiviha,” hu qal. “Ħadd ma ħadhieli, imma nagħtiha minn rajja.” (Ġwanni 10:17, 18) Dan ir-raġel kien Ġesù Kristu.
Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu biex josservaw it-Tifkira tal-mewt tiegħu bħala sagrifiċċju. Din l-okkażjoni hi msejħa wkoll “l-ikla taʼ fil-għaxija tal-Mulej,” jew “l-ikla tal-Mulej.” (1 Korintin 11:20; Għaqda Biblika Maltija) It-Tifkira li Ġesù stabbilixxa biex tikkommemora l-mewt tiegħu se tiġi ċelebrata mix-Xhieda taʼ Ġeħova u l-ħbieb tagħhom nhar il-Ħamis, 24 taʼ Marzu, 2005, wara nżul ix-xemx.
Se jkun hemm taħdita bbażata fuq il-Bibbja li se tispjega s-sinifikat tal-ħobż bla ħmira u l-inbid aħmar li jintużaw għal din l-okkażjoni. (Mattew 26:26-28) Ukoll, it-taħdita se twieġeb mistoqsijiet bħal: Il-Kristjani kemm-il darba għandhom jikkommemoraw din il-ġrajja? Min għandu bix-xieraq jieħu mill-emblemi tal-ħobż u l-inbid? Min se jibbenefika mill-mewt taʼ Ġesù? Din l-osservanza importanti se tgħin lil kull wieħed minna japprezza l-iskop tal-ħajja u l-mewt taʼ Ġesù.
Nistidnuk minn qalbna sabiex tattendi t-Tifkira tal-mewt taʼ Ġesù. Jekk jogħġbok iċċekkja max-Xhieda taʼ Ġeħova tal-lokal għall-ħin u l-post eżatt.