Int Titkellem maʼ Dawk li Tħobb?
“L-ABBILTÀ biex nikkomunikaw mal-maħbubin tagħna qed tonqos bil-kbir,” jirrapporta Polityka, il-ġurnal Pollakk li joħroġ kull ġimgħa. Fl-Istati Uniti, ġie kalkulat li l-miżżewġin iqattgħu biss sitt minuti kuljum f’konversazzjoni taʼ kwalità bejniethom. Xi awtoritajiet jaħsbu li nofs is-separazzjonijiet u d-divorzji kollha li hawn huma riżultat taʼ din l-abbiltà li dejjem qed tonqos.
Xi ngħidu għal konversazzjoni bejn il-ġenituri u l-ulied? F’ħafna każi, “jispiċċa jkun hemm, mhux konversazzjoni, imma interrogazzjoni: Kif mort l-iskola? Kif inhuma sħabek?” josserva r-rapport li ssemma qabel. Ikompli jistaqsi: “Kif jistgħu wliedna jitgħallmu jiżviluppaw rabtiet emozzjonali?”
Kif nistgħu aħna ntejbu l-abbiltà tagħna li nitkellmu ladarba s-sengħa għal komunikazzjoni tajba ma tiġix awtomatikament? Id-dixxiplu Kristjan Ġakbu tana parir importanti: “Kull bniedem irid ikun ħafif biex jismaʼ, tqil biex jitkellem, tqil biex jinkorla.” (Ġakbu 1:19) Iva, biex ikollna konversazzjoni li tibni, irridu nisimgħu b’attenzjoni mhux naqbżu fin-nofs bla paċenzja jew naslu għall-konklużjonijiet. Evita li tikkritika għaliex dan faċilment jistaʼ jwaqqaf il-konversazzjoni. Iktar minn hekk, Ġesù kien jagħmel mistoqsijiet bit-tattika, mhux biex jisforza lis-semmiegħa tiegħu ħalli jagħtuh xi informazzjoni, imma biex joħroġ x’kien hemm f’qalbhom u biex isaħħaħ ir-rabta taʼ bejniethom.—Proverbji 20:5; Mattew 16:13-17; 17:24-27.
Il-fatt li tapplika l-prinċipji mill-aqwa misjubin fil-Bibbja se jgħinek tieħu l-inizjattiva biex titkellem u tikkomunika maʼ dawk li huma għeżież għalik. Dan jistaʼ jirriżulta f’relazzjoni kollha mħabba li tibqaʼ għażiża għal ħafna snin—saħansitra għal dejjem.