“Ma Għamlux Kompromess”
ĠESÙ KRISTU qal lid-dixxipli tiegħu: “Henjin intom meta n-nies iżebilħukom u jippersegwitawkom u bil-gideb jgħidu kull xorta taʼ ħażen kontrikom minħabba fija.” (Mattew 5:11) Ix-Xhieda taʼ Ġeħova llum huma ferħanin għaliex, fi qbil mat-tagħlim u l-eżempju taʼ Kristu, huma jibqgħu separati “mid-dinja” u jżommu newtralità stretta fil-politika u l-integrità lejn Alla f’kull xorta taʼ ċirkustanza.—Ġwanni 17:14; Mattew 4:8-10.
Rigward il-waqfa bla kompromess li ħadu x-Xhieda taʼ Ġeħova f’dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika, inkluż dawk fl-Estonja, Toomas Paul, teologu Luteran u traduttur tal-Bibbja, kiteb fil-ktieb tiegħu Kirik keset küla (Il-Knisja f’Nofs ir-Raħal): “Ftit nies semgħu dwar dak li ġara kmieni fil-għodu nhar l-1 t’April, 1951. Kien hemm pjan biex ix-Xhieda taʼ Ġeħova u dawk li jappoġġawhom jiġu deportati—b’kollox 279 persuna nqabdu u ntbagħtu s-Siberja . . . Huma ngħataw opportunità biex jiffirmaw formola ġenerali li fiha kienu jiċħdu l-fidi tagħhom, u b’hekk jevitaw li jiġu deportati u mitfugħin il-ħabs. . . . Flimkien maʼ dawk li diġà kienu ġew arrestati, kien hemm 353 fil-ħabs, inkluż minn taʼ l-inqas 171 individwu li kienu biss qed jassoċjaw mal-kongregazzjonijiet tagħhom. Ma għamlux kompromess—anki fis-Siberja. . . . Ma tantx kien hemm membri tal-Knisja [Luterana fl-Estonja] li kellhom fidi bħal tax-Xhieda taʼ Ġeħova.”
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja jafdaw f’Alla biex jgħinhom jibqgħu leali u ubbidjenti lejh minkejja l-persekuzzjoni. Huma jifirħu għax jafu li l-premju għal-lealtà tagħhom hu kbir.—Mattew 5:12.