Int Bħas-Siġra Lagani Auna?
F’RAĦAL mat-truf taʼ Port Moresby, f’Papwa Ginea l-Ġdida, żewġ evanġelizzaturi kienu sejrin lura d-dar mix-xogħol tagħhom taʼ l-ippridkar. Huma u mexjin raw siġra mill-isbaħ. “Ara, lagani auna!” qal l-akbar wieħed minnhom. Dar fuq sieħbu iżgħar minnu u kompla jgħidlu: “Dan l-isem ifisser ‘siġra taʼ kull sena.’ Kuntrarju għal ħafna mis-siġar oħra tat-tropiċi, din is-siġra kull sena titlef il-weraq u tidher li hi mejta. Madankollu, hekk kif tiġi x-xita, tieħu r-ruħ, toħroġ il-fjuri, u terġaʼ turi s-sbuħija tagħha.”
Hemm lezzjoni x’nitgħallmu mil-lagani auna, jew bħalma hi magħrufa l-iktar, il-ponċjana rjali. Skond xi esperti, hi kunsidrata bħala waħda mill-isbaħ ħames siġriet li jagħmlu l-fjuri fid-dinja. Għalkemm fl-istaġun tan-nixfa twaqqaʼ l-fjuri u l-weraq, is-siġra taħżen provvista taʼ ilma. Is-sistema taʼ l-għeruq tagħha hi b’saħħitha u l-għeruq kapaċi jikbru madwar blat li jkun fil-fond taħt l-art. B’hekk, bħal ankra jkollha qabda soda kontra rwiefen qawwijin. Fil-qosor, din tiffjorixxi billi tagħmel l-aħjar li tistaʼ f’ċirkustanzi diffiċli.
Aħna nistgħu nsibu lilna nfusna f’ċirkustanzi li jġarrbu l-kwalità tal-fidi tagħna. X’se jgħinna nissaportu? Bħal-lagani auna, aħna nistgħu ndaħħlu ġo fina u naħżnu l-ilma li jagħti l-ħajja tal-Kelma t’Alla. Għandna wkoll naqbdu qabda soda mal-“blata” tagħna, Ġeħova, kif ukoll maʼ l-organizzazzjoni tiegħu. (2 Samwel 22:2 [22:3, NW]) Verament, il-lagani auna hija tfakkira mill-isbaħ li anki f’ambjent aħrax nistgħu nżommu s-saħħa u s-sbuħija spiritwali tagħna jekk nieħdu vantaġġ mill-provvedimenti li Ġeħova jagħmel disponibbli. B’dan il-mod, aħna se ‘nirtu l-wegħdi’ li hu għamel, inkluż il-wegħda taʼ ħajja taʼ dejjem.—Ebrej 6:12; Rivelazzjoni 21:4.