Ix-Xewqa t’Adryana
ADRYANA, tifla taʼ sitt snin minn Tulsa, Oklahoma, l-Istati Uniti, kellha xewqa. Kienet simili għax-xewqa tas-salmista David, li għanna: “Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej, ħaġa waħda nfittex: li ngħammar f’dar il-Mulej tul il-jiem kollha taʼ ħajti; biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej jien u nħares lejn it-tempju tiegħu.”—Salm 27:4.
Meta Adryana kellha biss sitt xhur, minn dijanjosi skoprew li għandha n-newroblastoma, tumur qalil li jikber f’partijiet tas-sistema tan-nervituri. Il-marda li heddet il-ħajja tagħha ħallietha paralizzata minn saqajha t-tnejn. It-tobba kkuraw il-kundizzjoni tagħha b’għadd t’operazzjonijiet u permezz taʼ kimoterapija għal sena sħiħa.
Missier Adryana, li m’għandux l-istess twemmin reliġjuż t’Adryana u ommha, ikkuntattja ċerta fondazzjoni biex jitlob li bintu żżur xi lunapark famuż mad-dinja kollha. Qabel ma qatgħetlu xewqtu, il-fondazzjoni intervistat lil Adryana. Hi wriet l-apprezzament tagħha talli kkunsidrawha imma qaltilhom li kienet tippreferi żżur il-Betel, iċ-ċentru taʼ l-attività globali tax-Xhieda taʼ Ġeħova fi New York. Wara li saret taf bir-rikjesta taʼ missierha, Adryana talbet lil Ġeħova biex jagħtiha l-opportunità li żżur il-Betel. Għalkemm għall-ewwel kienu inkwetati li l-Betel ma kinitx post interessanti biżżejjed għat-tfal, dawk tal-fondazzjoni qatgħu x-xewqa t’Adryana meta missierha m’opponiex l-għażla tagħha.
Flimkien m’ommha, oħtha, u ħabiba, Adryana vvjaġġat lejn New York biex iżżur il-Betel għall-ewwel darba. “Ġeħova wiġibni,” qalet Adryana. “Kont naf li kien se jilqagħna fil-Betel. Rajt kif isiru l-kotba, ir-rivisti, u l-Bibbji. Hu post isbaħ minn lunapark.”
Adryana ‘tgħaxxqet bil-ħlewwa tal-Mulej’ u ħarset b’apprezzament fuq kif jaħdem iċ-ċentru taʼ l-attivitajiet tan-nies taʼ Ġeħova llum. Int ukoll mistieden biex iżżur il-Betel. Minbarra l-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Ġeħova fi New York, hemm uffiċċji tal-fergħa f’diversi partijiet oħrajn tad-dinja.