Taħtaf Int Opportunitajiet biex Taqsam m’Oħrajn it-Twemmin Tiegħek?
“TEŻISTI l-verità assoluta?” Dan kien is-suġġett li ntgħażel biex isir komponiment għal kompetizzjoni nazzjonali fil-Polonja. L-istruzzjonijiet għal dan il-komponiment kienu jgħidu: “M’għandniex bżonn il-verità assoluta. Ħadd m’għandu bżonnha. Wara kollox, m’hemmx verità assoluta.” Agata, studenta taʼ 15-il sena u li hi waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova, iddeċidiet li tuża din l-opportunità sabiex taqsam m’oħrajn it-twemmin reliġjuż tagħha.
Biex tipprepara għal dan il-komponiment, Agata l-ewwel m’għamlet kien li talbet lil Ġeħova għall-gwida, u mbagħad bdiet tiġbor il-materjal dwar is-suġġett. Hi sabet informazzjoni relatata fil-Watchtower taʼ l-1 taʼ Lulju, 1995. Hi kkwotat il-mistoqsija li Ponzju Pilatu għamel lil Ġesù: “X’inhi l-verità?” (Ġwanni 18:38) Hi qalet li dik il-mistoqsija kienet tirrifletti attitudni xettika, bħallikieku: ‘Il-verità? X’inhi din? M’hemmx verità!’ Agata kitbet: “Il-mistoqsija li għamel Pilatu tfakkarni fl-istruzzjonijiet tal-komponiment.”
Wara hi ddiskutiet l-iżvilupp tar-relattiviżmu—l-idea li dik li hi verità għal persuna tistaʼ ma tkunx verità għal persuna oħra u li t-tnejn jistgħu jkunu qed jgħidu “s-sewwa.” Hi staqsiet xi mistoqsijiet bħal, “Min minna se jissogra jitlaʼ fuq ajruplan li kieku ma kienx jemmen li l-liġijiet taʼ l-ajrudinamika huma veritajiet assoluti?” Imbagħad hi rreferiet għall-Bibbja u qalet: “Il-fatt hu li l-Bibbja fiha fatti li tistaʼ tivverifikahom li jagħtu bażi soda lil dak li jkun biex jistrieħ fuqha.” Hi esprimiet it-tama tagħha li min b’mod sinċier ifittex il-verità assoluta jkollu biżżejjed paċenzja biex isibha.
Agata rebħet diploma speċjali u kellha l-opportunità biex tagħti preżentazzjoni quddiem il-klassi kollha. Xi wħud minn sħabha tal-klassi aċċettaw l-offerta tagħha biex tistudja l-Bibbja magħhom. Agata hija grata li hi użat din l-opportunità biex taqsam maʼ ħafna oħrajn it-twemmin tagħha. Iva, li nkunu attenti għall-opportunitajiet biex nitkellmu dwar il-fidi tagħna jistaʼ jipproduċi l-frott. Liema opportunitajiet tistaʼ taħtaf int?