Soluzzjoni Għaqlija
TLIET żgħażagħ fl-Afrika Ċentrali riedu jattendu konvenzjoni distrettwali fil-lokalità tagħhom. Kif kienu se jaslu hemmhekk? Il-konvenzjoni kienet kważi 90 kilometru ’l bogħod u t-toroq kienu mħarbtin u kollhom trab, u ma kellhomx trasport. Huma ddeċidew li jissellfu tliet roti imma ma sabux roti adattati għall-vjaġġ.
Anzjan fil-kongregazzjoni lokali sar jaf bil-problema tagħhom u offrielhom ir-rota tiegħu, li għalkemm qadima kienet f’kundizzjoni tajba. Spjegalhom kif hu u oħrajn fil-passat kienu organizzaw lilhom infushom biex jaslu għall-konvenzjoni. L-anzjan tahom parir biex jużaw rota waħda bejn it-tlieta li huma. Soluzzjoni sempliċi, imma kienet tirrikjedi organizzazzjoni tajba. Dan kif setaʼ jirnexxi?
Biex jevitaw ix-xemx tikwi, dawn l-aħwa żgħażagħ iltaqgħu kmieni fil-għodu u għabbew l-affarijiet li kienu se jieħdu magħhom fuq ir-rota. L-ewwel wieħed li rikeb fuqha telaq jaqdef ’il quddiem, u t-tnejn l-oħra bdew mexjin b’pass mgħaġġel warajh. Wara madwar 500 metru, dak li kien fuq ir-rota waqaf u serraħ ir-rota mgħobbija maʼ siġra. M’għandniex xi ngħidu, hu qagħad attent biex ir-rota jagħmilha f’post fejn setgħu jarawha t-tnejn l-oħra li ma jkunx hemm xi ħadd li jiħodha. L-ewwel wieħed kompla l-vjaġġ bil-mixi.
Meta t-tnejn l-oħra waslu ħdejn ir-rota, wieħed minnhom rikeb fuqha u l-ieħor baqaʼ miexi xi 500 metru ieħor qabel ma kien imiss lilu biex jirkeb. Għalhekk, permezz taʼ ppjanar tajjeb u determinazzjoni, it-tliet żgħażagħ setgħu jnaqqsu l-mixi tagħhom minn 90 kilometru għal madwar 60 kilometru. L-isforz li għamlu kien vallapena. Huma ltaqgħu maʼ ħuthom il-Kristjani fil-konvenzjoni u gawdew festa taʼ ikel spiritwali. (Dt. 31:12) Din is-sena, se tagħmel int kulma tistaʼ biex tattendi l-konvenzjoni distrettwali fil-lokalità tiegħek?