Il-Qarrejja Tagħna Jistaqsu . . .
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova nisa jgħallmu?
Iva. Madwar id-dinja hemm miljuni taʼ Xhieda taʼ Ġeħova nisa li jippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Salm 68:11 jgħid: ‘Ġeħova jagħti l-kmand; in-nisa li qed ixandru l-aħbar tajba huma armata kbira.’
Imma dak li jagħmlu dawn in-nisa hu differenti minn dak li jagħmlu mexxejja reliġjużi nisa oħra. Kif?
Mexxejja reliġjużi nisa normalment jgħallmu fil-knisja tagħhom biss. Imma x-Xhieda taʼ Ġeħova nisa jippritkaw lil dawk li mhumiex fil-kongregazzjoni tagħhom, jiġifieri lil dawk li jiltaqgħu magħhom minn dar għal dar u f’postijiet oħra.
Xi ħaġa differenti oħra hi li fil-kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova rġiel biss jintgħażlu biex jgħallmu. Allura n-nisa ma jgħallmux fil-laqgħat meta jkun hemm irġiel mgħammdin.—1 Timotju 3:2; Ġakbu 3:1.
Il-Bibbja tgħid li rġiel biss jistgħu jaqdu bħala anzjani biex jieħdu ħsieb il-kongregazzjoni. Pereżempju, Pawlu saqsa lil Titu biex ‘jaħtar anzjani f’belt wara l-oħra.’ Hu qallu wkoll li kull raġel “m’għandux ikollu fuqiex jiġi akkużat” u “jkun raġel taʼ mara waħda.” (Titu 1:5, 6) Pawlu qal xi ħaġa simili lil Timotju: “Jekk raġel qed jirsisti għal kariga taʼ indokratur, ikun jixtieq xogħol tajjeb. Għalhekk, l-indokratur għandu jkun bniedem li ma ssibx xi tgħid fih, raġel taʼ mara waħda, . . . kwalifikat biex jgħallem.”—1 Timotju 3:1, 2.
Għala l-irġiel biss għandhom ikunu anzjani? Pawlu qal: “Ma nippermettix li mara tgħallem, jew li teżerċita awtorità fuq raġel, imma li toqgħod siekta. Għax Adam intgħamel l-ewwel, imbagħad Eva.” (1 Timotju 2:12, 13) Dan juri li Alla ried li l-irġiel imexxu u jgħallmu fil-kongregazzjoni.
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova kollha jimitaw l-eżempju tal-Mexxej tagħhom, Ġesù Kristu. Luqa kiteb hekk dwar Ġesù: “Beda jivvjaġġa minn belt għal belt u minn raħal għal raħal, jippriedka u jxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla.” Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu biex huma wkoll imorru jippritkaw. Għalhekk huma “daru t-territorju, minn raħal għal raħal, ixandru l-aħbar tajba.”—Luqa 8:1; 9:2-6.
Illum il-ġurnata, ix-Xhieda taʼ Ġeħova kollha, irġiel u nisa, jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jobdu lil Ġesù: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.”—Mattew 24:14.