LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 8/15 pp. 31-32
  • Kemm Ħa Pjaċir ir-Re!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kemm Ħa Pjaċir ir-Re!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 8/15 pp. 31-32

MILL-​ARKIVJI TAGĦNA

Kemm Ħa Pjaċir ir-​Re!

DAN ġara f’Awwissu 1936. Il-​post kien is-​Swaziland Royal Kraal, jew kumpless. Minn karozza bil-​lawdspiker, Robert u George Nisbet kienu għadhom kif daqqew mużika rekordjata kif ukoll taħditiet rekordjati mogħtijin minn Ħuna J. F. Rutherford. Ir-​Re Sobhuza II ħa pjaċir. George spjega: “Tgħidx kemm stħajna meta qal li ried jixtri r-​rekord plejer, id-​diski tal-​mużika u t-​taħditiet, u l-​lawdspiker bil-​messaġġ tas-​Saltna!”

Filwaqt li skuża ruħu, Robert qallu li dawn l-​affarijiet ma kinux għall-​bejgħ. Għala? Għaliex it-​tagħmir kien taʼ xi ħadd ieħor. Ir-​Re ried ikun jaf min kien dan ix-​xi ħadd ieħor.

It-​tweġiba taʼ Robert kienet, “Dan kollu huwa taʼ Re ieħor.” Imbagħad, Sobhuza staqsa min kien dan ir-​Re. “Huwa Ġesù Kristu, is-​Sultan tas-​Saltna t’Alla,” Robert qal.

“Illaħwa, dan Sultan kbir,” ammetta Sobhuza b’rispett profond. “Ma rridx nieħu xi ħaġa li hi tiegħu.”

Robert kiteb: ‘Kont impressjonat ħafna bil-​personalità tal-​Kap Prinċipali, ir-​Re Sobhuza. Hu tkellem b’Ingliż perfett mingħajr ma kien bombastiku jew jippretendiha. Kien il-​veru jgħidha kif iħossha u dħuli. Poġġejt bilqiegħda ħdejh fl-​uffiċċju għal xi tliet kwarti, filwaqt li George daqq il-​mużika barra.

‘Iktar tard dakinhar,’ kompla Robert, ‘żorna L-​Iskola Nazzjonali tas-​Sważiland fejn kellna l-​iktar esperjenza interessanti. Tajna xhieda lill-​kap tal-​iskola, u hu kien lest li jismaʼ. Meta semmejna r-​rekord plejer u offrejna biex l-​iskola kollha tismaʼ r-​rekordings, hu feraħ ħafna u laqqaʼ kważi mitt student u qalilhom joqogħdu bilqiegħda fuq il-​ħaxix biex jisimgħu. Intqalilna li l-​iskola sekondarja kienet tgħallem l-​agrikultura, il-​ġardinaġġ, ix-​xogħol tal-​mastrudaxxa, ix-​xogħol tal-​bini, l-​Ingliż, u l-​matematika lis-​subien; il-​bniet kienu jitgħallmu kif jieħdu ħsieb il-​morda, ix-​xogħol tad-​dar, u xogħol siewi ieħor. Kienet in-​nanna tal-​Kap Prinċipali li bniet l-​iskola.a

Studenti tal-​iskola sekondarja li attendew għal taħdita pubblika fis-​Sważiland fl-​1936

Sa mill-​1933, ir-​Re Sobhuza kien jieħu pjaċir jismaʼ lill-​pijunieri li żaru r-​Royal Kraal. Darba minnhom, hu saħansitra laqqaʼ l-​gwardji personali tiegħu taʼ 100 suldat biex jisimgħu l-​messaġġ tas-​Saltna rekordjat. Hu abbona fir-​rivisti tagħna u aċċetta l-​letteratura. Ir-​Re ma damx ma kellu kważi librerija teokratika sħiħa! Iktar minn hekk, ma naqqas xejn minnha minkejja projbizzjoni li tpoġġiet fuq il-​letteratura tagħna mill-​gvern kolonjali Britanniku matul it-​Tieni Gwerra Dinjija.

Ir-​Re Sobhuza II kompla jilqaʼ lix-​Xhieda fir-​Royal Kraal f’Lobamba, u saħansitra stieden lill-​qassisin biex jiġu jisimgħu t-​taħditiet tagħhom minn fuq il-​Bibbja. Waqt li Xhud tal-​lokal li jismu Helvie Mashazi kien qed jiddiskuti Mattew kapitlu 23, grupp taʼ qassisin b’rabja kbira qamu minn posthom u pprovaw jisforzawh joqgħod bilqiegħda. Iżda r-​Re ndaħal fil-​kwistjoni u talab lil Ħuna Mashazi jkompli. Barra minn hekk, ir-​Re qal lil dawk fl-​udjenza biex jiktbu l-​versi kollha mill-​Bibbja li ssemmew fit-​taħdita.

F’okkażjoni oħra, wara li semgħu taħdita mogħtija minn pijunier, erbaʼ qassisin li kienu preżenti dawru l-​kullar tagħhom u stqarrew: “M’għadniex qassisin imma issa sirna Xhieda taʼ Ġeħova.” Imbagħad, huma staqsew lill-​pijunier jekk kellux xi kotba bħal dawk li kellu l-​Kap Prinċipali.

Mis-​snin 30 tas-​seklu għoxrin sa ma miet fl-​1982, il-​Kap Prinċipali rrispetta lix-​Xhieda taʼ Ġeħova u ma ħallihomx jiġu persegwitati minħabba li ma kinux josservaw ir-​ritwali Sważin. Għalhekk, ix-​Xhieda kellhom raġun ikunu grati lejh, u veru ddispjaċiehom meta miet.

Sal-​bidu tal-​2013, kien hemm iktar minn 3,000 proklamatur tas-​Saltna fis-​Sważiland. B’popolazzjoni taʼ ftit iktar minn miljun abitant, dan il-​pajjiż kellu pubblikatur 1 għal kull 384 ruħ tal-​popolazzjoni. Iktar minn 260 pijunier kienu attivi f’90 kongregazzjoni, u 7,496 attendew it-​Tifkira fl-​2012. Jidher ċar li hemm possibbiltà kbira għal iktar tkabbir. Ċertament li tqiegħed pedament sod matul dawk iż-​żjajjar bikrin fis-​Sważiland madwar l-​1930.—Mill-​arkivji tagħna fl-​Afrika t’Isfel.

a The Golden Age, June 30, 1937, page 629.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja