LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w15 7/1 pp. 8-12
  • Nikbru fl-età b’dinjità

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nikbru fl-età b’dinjità
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Materjal Simili
  • Int tistaʼ tibqaʼ modest waqt il-​provi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Għala l-​modestja għadha tgħodd
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Il-​mod kif tilbes jigglorifika lil Alla?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Nissodisfaw ix-Xewqa Kbira Tagħna għall-Ħbiberija
    Stenbaħ!—2004
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
w15 7/1 pp. 8-12
Mara anzjana tieqaf ftit mix-xogħol tagħha fil-ġnien

Nikbru fl-​età b’dinjità

KIF tħossok meta f’moħħok jidħol il-​ħsieb tax-​xjuħija? Ħsieb bħal dan jinkwieta lil ħafna, jagħmilhom ansjużi, u saħansitra jbeżżagħhom. Jiġri hekk għax ġeneralment ix-​xjuħija tfakkarna f’affarijiet negattivi, bħal li nidhru inqas sbieħ, ġisimna jiddgħajjef, nibdew ninsew, u nimirdu b’mard kroniku.

Madankollu, il-​fatt hu li n-​nies ivarjaw ħafna fil-​mod kif jixjieħu. Sa ċertu punt, xi wħud igawdu saħħa tajba, fiżikament u mentalment, fis-​snin tax-​xjuħija. L-​avvanzi fil-​mediċina għenu lil oħrajn jikkuraw jew jikkontrollaw mard kroniku. Minħabba f’hekk, f’xi pajjiżi iżjed u iżjed nies qed jgħixu iktar u jkunu iktar f’saħħithom.

Minkejja dan, kemm jekk jiġu ffaċċjati bi problemi taʼ xjuħija jew le, il-​biċċa l-​kbira tan-​nies jixtiequ li jkunu jistgħu jikbru fl-​età b’dinjità. Kif jistaʼ jsir dan? Minn banda, li nagħmlu dan jiddependi mill-​attitudni u r-​rieda u l-​abbiltà tagħna biex nadattaw ruħna għal din il-​fażi ġdida fil-​ħajja. Bħala għajnuna f’dan ir-​rigward, ejja nikkunsidraw xi prinċipji Bibliċi sempliċi u prattiċi.

KUN MODEST: “L-​għerf hu mal-​modesti.” (Proverbji 11:2) F’dan il-​kuntest, it-​terminu “l-​modesti” jistaʼ jirreferi għal uħud imdaħħlin fiż-​żmien li jagħrfu u jaċċettaw il-​limitazzjonijiet tal-​età tagħhom, mingħajr ma jipprovaw jiċħduhom jew jinjorawhom. Charles, li għandu 93 sena u jgħix il-​Brażil, hu realistiku meta jgħid: “Jekk tgħix ħafna jkollok tixjieħ. M’hemmx mod kif treġġaʼ l-​arloġġ lura.”

Li tkun modest, madankollu, bl-​ebda mod ma jfisser li għandek tadotta l-​attitudni negattiva taʼ li “Xjaħt u kollox spiċċa għalija.” Attitudni bħal din tistaʼ tixroblok l-​entużjażmu. “Skuraġġejt ruħek fi żmien l-​hemm? Ma tantx se jkollok qawwa,” jgħid Proverbji 24:10. Minflok, xi ħadd modest juri l-​għerf u jagħmel l-​aħjar li jistaʼ fis-​sitwazzjoni.

Corrado, li għandu 77 sena u jgħix l-​Italja, b’għaqal jgħid: “Meta tkun tielaʼ xi telgħa bil-​karozza, int sempliċement tibdel il-​gerijiet u tevita li tintfielek il-​magna.” Iva, meta wieħed jikber fl-​età jkollu bżonn jagħmel aġġustamenti. Corrado u martu beda jkollhom ħarsa bilanċjata lejn ix-​xogħol tad-​dar u jimxu skont skeda pjuttost komda, u b’hekk jevitaw li jħossuhom bla saħħa filgħaxija. Marian għandha 81 sena u tgħix il-​Brażil. Hi wkoll għandha ħarsa realistika lejn ix-​xjuħija u tgħid: “Tgħallimt nieħu l-​ħin tiegħi. Meta jkun hemm bżonn, nieqaf għal ftit ħin. Noqgħod bilqiegħda jew nimtedd biex naqra jew nismaʼ l-​mużika. Tgħallimt nagħraf u nirrispetta l-​limitazzjonijiet tiegħi.”

Mara anzjana tieqaf ftit mix-xogħol tagħha fil-ġnien

Kun bilanċjat

KUN BILANĊJAT: “In-​nisa jiżżejnu bi lbies adattat, bil-​modestja u b’moħħ f’loku.” (1 Timotju 2:9) L-​espressjoni “lbies adattat” tindika bilanċ u għażliet xierqa. Barbara, li għandha 74 sena u li tgħix il-​Kanada, tgħid: “Nipprova nidher pulita u nadifa. Ma rridx nidher antika b’dik l-​attitudni taʼ ‘Jien issa xjaħt; ma jimpurtanix kif nidher.’” Fern għandha 91 sena, tgħix il-​Brażil, u tgħid: “Jien nixtri ftit ħwejjeġ ġodda darba kultant biex intellaʼ l-​moral tiegħi.” U x’nistgħu ngħidu dwar l-​irġiel xjuħ? “Nagħmel mill-​aħjar biex nidher tajjeb u nilbes ħwejjeġ nodfa,” jgħid Antônio, li għandu 73 sena u li jgħix il-​Brażil. Dwar l-​iġjene personali, hu jżid jgħid: “Ninħasel u nqaxxar il-​leħja kuljum.”

Mill-​banda l-​oħra, hu importanti li tevita li ssir konċernat iżżejjed dwar id-​dehra personali tiegħek sal-​punt li tonqos li jkollok “moħħ f’loku.” Mara mill-​Korea t’Isfel, Bok-​im, li għandha 69 sena, hi bilanċjata fi ħwejjiġha u tgħid: “Naf tajjeb li mhux xieraq nilbes xi ħwejjeġ li kont nilbes meta kont iżgħar.”

Mara anzjana tieqaf ftit mix-xogħol tagħha fil-ġnien

Kun pożittiv

KUN POŻITTIV: “Il-​jiem taʼ min isofri kollha huma ħżiena; imma min iħossu tajjeb f’qalbu jinsab f’festa l-​ħin kollu.” (Proverbji 15:15) Int u tikber fl-​età, għandu mnejn ikollok sentimenti negattivi meta tiftakar x’enerġija kellek meta kont iżgħar u l-​ħafna affarijiet li darba kont kapaċi tagħmel. Dan nistgħu nifhmuh. Madankollu, agħmel sforz biex ma tingħelibx minn dawn is-​sentimenti negattivi. Li tkun ħsiebek fil-​passat se jġiegħlek tgħix imdejjaq u jiskuraġġik milli tagħmel dak li għadek tistaʼ tagħmel. Joseph, li għandu 79 sena u li jgħix il-​Kanada, jaħseb b’mod pożittiv: “Nipprova nieħu gost nagħmel l-​affarijiet li nistaʼ nagħmel u mhux nibki għax issa ma nistax nagħmel l-​affarijiet li kont nagħmel qabel.”

Il-​qari u t-​tagħlim jistgħu wkoll jagħmluk tħossok iżjed pożittiv u jiftħulek bibien ġodda. Għalhekk, kemm jistaʼ jkun, oqgħod attent għal opportunitajiet biex taqra u titgħallem affarijiet ġodda. Ernesto, li għandu 74 sena u li jgħix il-​Filippini, imur il-​librerija u jissellef kotba interessanti biex jaqrahom. Hu jgħid, “Għadni ngawdi l-​eċċitament tal-​avventura, il-​gost tal-​ivvjaġġar ’il bogħod mill-​erbaʼ ħitan taʼ dari permezz tal-​kelma miktuba.” Lennart, raġel taʼ 75 sena fl-​Iżvezja, saħansitra daħal għall-​biċċa xogħol iebsa taʼ li jitgħallem lingwa ġdida.

Mara anzjana tieqaf ftit mix-xogħol tagħha fil-ġnien

Kun ġeneruż

KUN ĠENERUŻ: “Idraw agħtu, u n-​nies jagħtukom.” (Luqa 6:38) Ħudha drawwa li taqsam ftit minn ħinek u ftit minn dak li għandek m’oħrajn. Dan se jagħtik sens taʼ sodisfazzjon u kuntentizza. Hosa, mara taʼ 85 sena fil-​Brażil, tagħmel sforz biex tgħin lil oħrajn minkejja l-​limitazzjonijiet fiżiċi tagħha. Hi tgħid: “Inċempel lill-​ħbieb morda jew skuraġġiti u niktbilhom l-​ittri. Kultant, nibagħtilhom rigali żgħar. Inħobb ukoll insajjar xi ikla jew nagħmel xi ħaġa tal-​ħelu għall-​morda.”

Il-​ġenerożità tittieħed. “Meta turi li tħobb lil oħrajn, iroddulek lura billi jagħtuk l-​imħabba u l-​affezzjoni tagħhom,” jgħid Jan mill-​Iżvezja u li għandu 66 sena. Iva, xi ħadd ġeneruż joħloq atmosfera taʼ mħabba u apprezzament li oħrajn jieħdu pjaċir biha.

KUN SOĊJEVOLI: “Min jinqataʼ għalih se jfittex ix-​xewqa egoistika tiegħu stess; kontra kull għaqal jiħodha.” (Proverbji 18:1) Għalkemm hemm żmien meta tkun trid toqgħod waħdek, evita li ssir iżolat u li tinqataʼ għalik waħdek. Innocent, li għandu 72 sena u li jgħix in-​Niġerja, jieħu pjaċir bil-​kumpanija tal-​ħbieb. “Nieħu gost nassoċja maʼ nies taʼ kull età.” Börje għandu 85 sena, jgħix l-​Iżvezja, u jgħid: “Nagħmel mezz biex inkun maʼ nies iżgħar minni. L-​enerġija tagħhom tagħmilni nħossni żgħir mill-​ġdid—għall-​inqas minn ġewwa.” Ħu l-​inizjattiva biex kultant tistieden xi ħbieb għandek. Han-​sik, li għandu 72 sena u li jgħix il-​Korea t’Isfel, jgħid: “Jien u marti nħobbu nistiednu ħbieb taʼ kull età—nies imdaħħlin fiż-​żmien u żgħażagħ—għal xi get-​together jew ikla.”

Nies taʼ etajiet differenti jieħdu pjaċir jieklu u jassoċjaw

Kun soċjevoli

Nies dħulin jikkomunikaw. Li tkun dħuli jfisser li titkellem m’oħrajn, imma wkoll li tismagħhom. Uri interess personali f’oħrajn. Helena, li għandha 71 sena u li tgħix il-​Możambik, tgħid: “Jien dħulija u nittratta lil oħrajn b’dinjità. Nismaʼ dak li għandhom x’jgħidu biex insir naf kif jaħsbuha u x’jogħġobhom.” Josè għandu 73 sena u jgħix il-​Brażil. Hu jgħid: “In-​nies jieħdu pjaċir ikunu mdawrin b’semmiegħa tajba—dawk li juru empatija lil oħrajn u jieħdu interess fihom, li jagħtu kelma taʼ tifħir f’waqtha, u li jafu jiċċajtaw.”

Meta tesprimi ħsibijietek, oqgħod attent biex ‘tħawwar kliemek bil-​melħ.’ (Kolossin 4:6) Uri konsiderazzjoni u kun inkuraġġanti.

KUN GRAT: “Uru li intom grati.” (Kolossin 3:15) Meta tingħata l-​għajnuna, uri apprezzament għall-​attenzjoni. Espressjonijiet taʼ ringrazzjament jgħinu biex relazzjonijiet tajbin jikbru. “Dan l-​aħħar, jien u r-​raġel bdilna d-​dar u morna noqogħdu f’appartament. Kellna ħafna ħbieb jgħinuna. Ma kellniex kliem biżżejjed biex nirringrazzjawhom. Bgħatnielhom kards taʼ ringrazzjament personalizzati u minn dak iż-​żmien ’l hawn stidinna lil xi wħud minnhom għall-​ikel,” tgħid Marie-​Paule, li għandha 74 sena u li tgħix il-​Kanada. Jae-​won għandha 76 sena u tgħix fil-​Korea t’Isfel. Hi tgħid li tapprezza meta tirkeb maʼ xi ħadd għas-​Sala tas-​Saltna: “Tant jien grata għal din l-​għajnuna kollha li nkun żgur li noffri xi ħaġa tal-​flus għall-​petrol. Kultant nipprepara rigali żgħar b’noti taʼ ringrazzjament.”

Fuq kollox, kun grat għall-​ħajja nfisha. “Kelb ħaj aħjar minn iljun mejjet,” fakkarna l-​għaref Sultan Salamun. (Ekkleżjasti 9:4) Iva, huwa possibbli li nikbru fl-​età b’dinjità jekk ikollna l-​attitudni t-​tajba flimkien mar-​rieda li nadattaw ruħna.

Mara anzjana tieqaf ftit mix-xogħol tagħha fil-ġnien

Kun grat

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja