L-Iktar Nies Ferħana fuq l-Art
1 “Hieni l-poplu li [“Jehovah,” New World Translation] hu Alla tiegħu!” (Salm 144:15) Dan il-kliem jiddeskrivi lix-Xhieda taʼ Jehovah bħala l-iktar nies ferħana fuq l-art. M’hemmx ferħ akbar minn dak li jiġi meta taqdi lill-uniku Alla veru u ħaj, Jehovah. Peress li hu “dak Alla hieni,” dawk li jadurawh jirriflettu l-ferħ tiegħu. (1 Tim. 1:11, NW) Liema huma xi aspetti tal-qima tagħna li jgħinuna nkunu daqshekk ferħanin?
2 Raġunijiet Għala Aħna Ferħanin: Ġesù żgurana li l-ferħ jiġi meta nkunu “konxji tal-bżonn spiritwali [tagħna].” (Mt. 5:3, NW) Studju regulari tal-Bibbja u attendenza kontinwa għal-laqgħat Kristjani kollha tagħna jissodisfaw dak il-bżonn. Meta tgħallimna l-verità tal-Kelma t’Alla ġejna meħlusin minn tagħlim reliġjuż żbaljat u falz. (Ġw. 8:32) L-Iskrittura għallmitna wkoll l-aħjar mod kif ngħixu ħajjitna. (Is. 48:17) Minħabba dan, aħna ngawdu sħubija Kristjana bnina fost il-fratellanza hienja tagħna.—1 Tess. 2:19, 20; 1 Pt. 2:17.
3 Aħna niksbu kuntentizza kbira milli nobdu l-livelli morali għoljin t’Alla, għax nafu li dan jipproteġina u jagħmel lil Jehovah ferħan. (Prov. 27:11) Ġurnalist innota: “Minkejja l-livelli stretti kollha li għandhom, ix-Xhieda taʼ Jehovah ma jidhrux imdejqa. Anzi bil-kontra. Kemm iż-żgħar kif ukoll il-kbar [li hemm fosthom] jidhru li għandhom ferħ mhux tas-soltu u huma bilanċjati.” Kif nistgħu ngħinu lil oħrajn ikollhom ferħ kbir bħal tagħna?
4 Għin lil Oħrajn Isibu l-Ferħ: Id-dinja mimlija bid-dwejjaq, u n-nies b’mod ġenerali għandhom ħarsa pessimista lejn il-futur. Madankollu, aħna għandna ħarsa ottimista, għax nafu li dalwaqt id-dwejjaq kollu se jkun xi ħaġa tal-passat. (Apk. 21:3, 4) Għalhekk, aħna żelużi fis-sehem li nagħtu fil-ministeru, filwaqt li nfittxu lil uħud taʼ qalb onesta biex naqsmu magħhom it-tama li għandna u t-twemmin tagħna dwar Jehovah.—Eżek. 9:4.
5 Oħt li taqdi bħala pijuniera qalet: “M’hemm xejn li jagħti iktar sodisfazzjon mill-fatt li tgħin lin-nies isiru jafu lil Jehovah u l-verità tiegħu.” Ejja nagħmlu dak kollu li nistgħu sabiex ninkuraġġixxu lil ħafna iktar nies biex jaċċettaw studji tal-Bibbja fid-djar. Il-fatt li naqdu lil Jehovah u nagħtu minna nfusna sabiex ngħinu lil oħrajn jaqduh iġibilna l-akbar ferħ.—Atti 20:35.