Ejja Nużaw il-Ħin Tagħna bl-Aħjar Mod!
F’dawn l-aħħar xhur gawdejna ħafna riżultati sbieħ permezz taʼ l-isforzi tagħkom fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Ix-xhur tar-rebbiegħa taʼ Marzu u April kienu xhur t’attività speċjali u żgur li ġibtu ħafna ferħ lil Jehovah peress li għamiltu sforzi speċjali. Ħafna barkiet jiġu meta nżommu sod maʼ skeda li tippermetti parteċipazzjoni regulari fil-ministeru taʼ l-għalqa. Nistgħu nirranġaw l-iskeda sabiex inkunu nistgħu nqattgħu iktar ħin fis-servizz taʼ l-għalqa?
F’dawn l-aħħar snin, xi wħud żviluppaw id-drawwa li jkollhom biss sehem żgħir fis-servizz taʼ l-għalqa, għax forsi jirraġunaw li l-pressjonijiet biex taqlaʼ l-għajxien taʼ kuljum u biex trabbi familja jagħmilha diffiċli għalihom biex jagħmlu iktar. Veru, il-pressjonijiet taʼ “l-aħħar tad-dinja” huma iebsa. (2 Tim. 3:1) Madankollu, wieħed mill-aqwa modi taʼ kif nistgħu ‘nżommu sħiħ’ kontra l-attakki taʼ Satana hu billi ‘nxiddu riġlejna bil-ħeġġa taʼ l-Evanġelju tas-sliem’—nieħdu sehem regulari fl-ippridkar!—Efes. 6:14, 15.
Kif nistgħu nagħmluh dan? Nhar taʼ Sibt, wara l-attività bir-rivisti, nistgħu nqattgħu ftit iktar ħin sabiex nagħmlu ftit żjajjar lura? Jekk nhar taʼ Ħadd inqattgħu ftit tal-ħin fil-ministeru taʼ l-għalqa, nistgħu anki nqattgħu xi ħin nagħmlu żjajjar lura jew nikkonduċu studju tal-Bibbja? Matul il-ġranet sħan, nistgħu nibdew qabel fil-ministeru forsi billi nagħtu xiehda fit-toroq? Billi napplikaw dawn is-suġġerimenti nkunu nistgħu ntejbu l-kwalità u l-kwantità tas-servizz tagħna lil Jehovah. Billi jkollna skeda tajba nistgħu nissorprendu ruħna kemm nistgħu nżidu ħin biex niddedikawh għall-ministeru.
Għandu mnejn li l-progress spiritwali li nistgħu nagħmlu b’dan il-mod ma jiġix naturali. Imma nistgħu nagħmlu progress jekk verament irridu, ladarba Alla Jehovah jistaʼ jagħtina “l-qawwa iktar min-normal.” (2 Kor. 4:7, NW; Flp. 4:13) Ladarba “ż-żmien qsar,” l-attività taʼ l-ippridkar trid tkun fuq quddiemnett fil-lista tagħna taʼ prijoritajiet.—1 Kor. 7:29.