Ittra Mingħand il-Ġemgħa li Tiggverna
Għeżież Ħutna:
“GRAZZJA u sliem mingħand Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu.” (1 Kor. 1:3) Kemm nixxennqu għaż-żmien meta kulma jieħu n-nifs se jagħti lil Jehovah il-glorja li ħaqqu! (Salm 150:6) Aħna u nistennew dak iż-żmien taʼ l-għaġeb, qed inkomplu nxandru l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla u nagħmlu dixxipli.
Ix-xogħlijiet taʼ Jehovah fuq l-art bħalissa huma ffokati fuq il-ministeru taʼ l-evanġelizzar. (Mk. 13:10) Peress li nafu sew kemm Jehovah jinteressah minn dan ix-xogħol, aħna nitolbuh biex jgħinna nagħmluh, u nirrealizzaw li kull bniedem għandu l-opportunità li jibbenefika mill-provvediment tal-fidwa. (Apk. 14:6, 7, 14, 15) Veru li niffaċċjaw sfidi, imma kemm aħna grati li ‘mlibbsin bil-qawwa t’Alla’ biex inwettqu dan il-ministeru!—Lq. 24:49.
Inħossuna sodisfatti meta nħarsu lura lejn is-sena taʼ servizz li għaddiet u nirriflettu fuq dak li Jehovah wettaq permezz tal-qaddejja leali tiegħu. Bil-qawwa li ngħataw permezz taʼ l-ispirtu qaddis, in-nies t’Alla wrew imħabba bħal taʼ Kristu, u għelbu l-mibegħda f’kull post fid-dinja fejn jinsabu. Imħabba bħal din dehret ċar fil-konvenzjonijiet tagħna. Minn Ġunju sa Diċembru 2003, delegati minn iktar minn mitt pajjiż ivvjaġġaw lejn 32 konvenzjoni internazzjonali li saru f’sitt kontinenti. Missjunarji, qaddejja internazzjonali, u Beteliti f’servizz barrani ġew intervistati fil-konvenzjonijiet distrettwali u internazzjonali.
F’dawn il-konvenzjonijiet, irċivejna l-pubblikazzjonijiet “See the Good Land” (“Ara l-Art Tajba”) u Learn From the Great Teacher (Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir). Iktar minn hekk, tħabbar li lejn l-aħħar tas-sena tas-servizz 2004 se joħroġ il-ktieb rivedut taʼ l-Iskola tas-Servizz taʼ Pijunier. Ftit ftit, dawk li ilhom ħafna jaqdu bħala pijunieri u li marru l-iskola se jattendu l-klassijiet maʼ dawk li m’ilhomx wisq pijunieri.
Permezz taʼ l-appoġġ t’Alla u l-ġenerożità umana setgħu jinbnew ħafna iktar Swali tas-Saltna, speċjalment f’pajjiżi b’riżorsi limitati. Minħabba li l-bżonn għall-ikel spiritwali qed jiżdied madwar id-dinja kollha, bħalissa għaddejjin ħafna proġetti taʼ tkabbir tal-fergħat f’ħafna pajjiżi. Il-browxer Gawdi l-Ħajja fuq l-Art Għal Dejjem! issa tistaʼ ssibu b’299 lingwa, b’total taʼ 139 miljun kopja stampata; Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem qabeż it-93 miljun kopja b’161 lingwa; u iktar minn 200 miljun kopja tal-browxer Alla X’Jirrikjedi Minna? ġew stampati b’267 lingwa.
Nilqgħu minn qalbna l-258,845 li ssimbolizzaw id-dedikazzjoni tagħhom bil-magħmudija taʼ l-ilma matul is-sena taʼ servizz li għaddiet! Għalkemm sirtu mira speċjali tal-mibegħda taʼ Satana minħabba l-appoġġ tagħkom lis-Saltna t’Alla, sirtu wkoll mira speċjali tal-barka u l-protezzjoni spiritwali taʼ Jehovah hekk kif tiġru t-triq li għandkom quddiemkom. (Lhud 12:1, 2; Apk. 12:17) Iva, kunu żguri li ‘ma jongħosx dak li jħariskom.’—Salm 121:3.
L-iskrittura tas-sena 2004, “Ishru . . . Kunu lesti,” hija verament f’waqtha. (Mt. 24:42, 44) Il-Kristjani huma deskritti fil-Kelma t’Alla bħala għorba, jew residenti temporanji, f’din is-sistema li qed tmut. (1 Pt. 2:11; 4:7) Għaldaqstant, hemm bżonn li nibqgħu ffokati, inżommu ħajjitna sempliċi, u neżaminaw qlubna bir-reqqa. “Id-Dragun il-kbir” irid jiblagħna, billi jagħmilna parti mis-sistema tiegħu.—Apk. 12:9.
Biex nibqgħu għassa huwa essenzjali li naqraw il-Bibbja kuljum. Dan il-qari jistaʼ jgħinna ‘nħallu l-“iva” tagħna tkun “iva”’ fejn tidħol id-dedikazzjoni tagħna u “nżommu sħiħa sa l-aħħar it-tama li kellna fil-bidu.” (Ġak. 5:12; Lhud 3:14) Il-qari tal-Bibbja kuljum jistaʼ jgħinna niftakru kemm id-dinja tbiegħdet mil-livelli t’Alla li ma jinbidlux. (Mal. 3:6; 2 Tim. 3:1, 13) L-għarfien mill-Bibbja jistaʼ jgħinna nwarrbu ‘ħrejjef maħluqin minn moħħ’ xi ħadd u nibqgħu leali lejn Jehovah.—2 Pt. 1:16; 3:11.
Ġenituri, intom u trabbu lil uliedkom fid-dixxiplina u t-twiddib taʼ Jehovah, qegħdin tgħinuhom jagħmlu miri spiritwali u ‘jishru’? (Efes. 6:4) Qegħdin tħarrġuhom biex iqisu l-futur bħalma kien iqis il-futur tiegħu Ġesù, l-iktar bniedem għaref li qatt mexa fuq l-art? Hu setaʼ sar l-akbar mastrudaxxa, inventur, jew tabib li qatt għex, imma minflok għażel il-ministeru full-time. Jalla l-eżempju tiegħu jqanqalkom tgħinu lil uliedkom ipoġġu l-interessi tas-Saltna l-ewwel f’ħajjithom.
Il-klassi tal-qaddej leali, rappreżentata mill-Ġemgħa li Tiggverna, hija grata minn qalbha li l-folla kbira qed tgħinna nwettqu r-responsabbiltà tagħna biex “l-Evanġelju tas-Saltna jixxandar fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda.” (Apk. 7:9; Mt. 24:14, 45) Lilkom għeżież, Jehovah jiżgurakom li jiftakar “dak li intom għamiltu u l-imħabba li wrejtu lejn ismu meta qdejtu u għadkom taqdu lill-qaddisin.” (Lhud 6:10) Hekk kif taqraw l-esperjenzi eċċitanti u tinnotaw ir-riżultati taʼ l-isforzi li għamiltu flimkien, fil-paġni tat-2004 Yearbook, kunu afu li kellkom sehem vitali fl-għoti taʼ din ix-xiehda mad-dinja kollha.
Jalla tiffaċċjaw il-futur bil-kuraġġ hekk kif tkomplu ‘tħarsu ’l quddiem lejn il-ħlas,’ u ma tħallu lil ebda bniedem jew demonju jċaħħadkom minnu. (Lhud 11:26; Kol. 2:18) Iva, afdaw f’Jehovah, waqt li tkunu fiduċjużi li hu se jgħin lil dawk kollha li jħobbuh biex jaslu għall-milja tal-ħajja.—Ġw. 6:48-54.
Niżgurawkom li ninsabu ferħanin naqdu flimkien magħkom għat-tifħir tal-glorja taʼ Jehovah.
Ħutkom,
Il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah