Kaxxa għall-Mistoqsija
◼ Kif għandna nieħdu ħsieb l-inkarigi fil-kongregazzjoni?
Il-kongregazzjoni tal-poplu taʼ Ġeħova timxi bl-ordni bħala riżultat taʼ sforz min-naħa taʼ kull membru. (1 Kor. 14:33, 40) Aħseb ftit x’inhu involut sempliċement f’laqgħa waħda tal-kongregazzjoni. Minbarra l-programm innifsu, ikun hemm ħafna attività għaddejja qabel u wara l-laqgħa hekk kif aħwa rġiel u nisa jieħdu ħsieb diversi inkarigi. Dmirijiet oħra li jsiru minn wara l-kwinti wkoll huma importanti. Kif jistaʼ kull wieħed minna jgħin f’dan l-arranġament?
Kun disponibbli. Min juri spirtu li jixtieq jgħin se jsib ħafna x’jagħmel. (Salm 110:3, Saydon) Aħseb fil-morda u fl-anzjani. Għin fit-tindif tas-Sala tas-Saltna. Nistgħu nagħmlu ħafna affarijiet taʼ ġid mingħajr ma joqogħdu jiġu jgħidulna. Kulma rridu huwa xewqa li ngħinu.
Aqdi bil-modestja. Nies modesti jieħdu pjaċir jaqdu lil oħrajn. (Lq. 9:48) Il-modestja se żżommna lura milli naċċettaw iktar responsabbiltajiet minn dawk li nifilħu nġorru b’mod realistiku. Barra minn hekk, il-modestja se tgħinna biex ma naqbżux il-limiti taʼ l-awtorità li jkollna.—Prov. 11:2.
Kun taʼ min jafdak. Mosè ġie inkuraġġit jagħżel “nies taʼ fiduċja” sabiex jieħdu pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà f’Iżrael tal-qedem. (Eżo. 18:21) Din l-istess kwalità hija meħtieġa llum. Agħmel kull inkarigu li tirċievi b’mod responsabbli. (Lq. 16:10) Jekk ma tistax tieħu ħsieb xi inkarigu, kun ċert li jsiru arranġamenti xierqa sabiex xi ħadd ieħor jieħu ħsiebu minflokok.
Agħti l-aħjar tiegħek. Il-Kristjani huma mħeġġin biex jaħdmu b’ruħhom kollha saħansitra f’affarijiet sekulari. (Kol. 3:22-24) Għandna raġuni akbar għalxiex nagħmlu dan meta nkunu qed naħdmu biex navanzaw il-qima vera. Anki jekk xi biċċa xogħol tidher żgħira jew insinifikanti, il-kongregazzjoni tibbenefika meta din issir sew.
Kull inkarigu jagħtina opportunità biex nuru mħabbitna lejn Ġeħova u lejn ħutna. (Mt. 22:37-39) Jalla nieħdu ħsieb bil-lealtà kwalunkwe inkarigu li jiġi fdat lilna.