“Ikel fiż-Żmien Xieraq”
1 Wara li nattendu l-jum t’assemblea speċjali tagħna, spiss ngħidu, “Kien eżatt dak li kellna bżonn!” Indokratur tas-circuit qal li wara li semgħu l-programm kurrenti, xi wħud fis-circuit tiegħu esprimew ix-xewqa li jżidu sehemhom fil-ministeru. Indokratur li jivvjaġġa qal: “Għenna naħsbu b’mod ċar dwar fejn qegħdin fil-medda taż-żmien hekk kif nirrivedu l-għażliet tagħna fil-ħajja.” Ieħor qal: “Għadd taʼ pubblikaturi esprimew il-ħsieb li din kienet tfakkira ċara għalihom biex jagħmlu ċert li qed jiffokaw fuq dak li hu l-iktar importanti, il-ministeru.” Int kif ġejt megħjun mill-jum t’assemblea speċjali?
2 Il-programm għas-sena taʼ servizz li ġejja wkoll se jkun eżatt dak li għandna bżonn. It-tema hi “Stkenn f’Ġeħova,” li hi meħuda minn Salm 118:8, 9. Dawn huma xi ftit mis-suġġetti li se jiġu diskussi: “Kif Ġeħova Hu Fortizza fi Żmien taʼ Niket,” “Għin lil Oħrajn Isibu Kenn Taħt Ġwinħajn Ġeħova,” “Imita lil Ġeħova f’li Tipprovdi l-Kenn,” “Żgħażagħ, Poġġu l-Fiduċja Tagħkom f’Ġeħova!” u “Il-Ġenna Spiritwali Tagħna—Il-Provvediment taʼ Ġeħova għall-Kenn.”
3 Sabiex Tibbenefika: Ladarba tiġi mħabbra d-data, agħmel arranġamenti definiti biex tattendi, u stieden lill-istudenti tal-Bibbja tiegħek biex jiġu wkoll. Sabiex ‘nagħtu l-frott bis-sabar,’ irridu niftakru dak li nisimgħu. (Lq. 8:15) Għalhekk, ismaʼ b’attenzjoni għall-programm, u ħu noti qosra tal-punti prinċipali kif ukoll tat-tagħlim li bi ħsiebek tapplika fil-ħajja u l-ministeru tiegħek. Ħudu l-ħin wara l-assemblea biex tiddiskutu l-programm bħala familja, u kkunsidraw modi speċifiċi kif int u l-familja tiegħek tistgħu tapplikaw l-informazzjoni.
4 Bħal ikla delizzjuża u sustanzjuża, il-jum t’assemblea speċjali taʼ din is-sena ġie mħejji b’ħafna mħabba u ħsieb minn qabel. Jalla Ġeħova jbierek l-isforzi tiegħek biex tattendi u tibbenefika minn dan “l-ikel fiż-żmien xieraq” ħalli jsostni b’mod spiritwali lill-ministri Kristjani.—Mt. 24:45.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
1. Il-programm kurrenti tal-jum t’assemblea speċjali kif għen lilek u lil oħrajn?
2. X’se jiġi kunsidrat fil-programm matul is-sena taʼ servizz li ġejja?
3. Kif nistgħu nibbenefikaw bis-sħiħ mill-attendenza tagħna?
4. Għala għandna nħarsu ’l quddiem għall-jum t’assemblea speċjali li ġej?