Ħa “Jiddi d-Dawl Tagħkom”
1. X’għandna l-privileġġ li naqsmu maʼ ħaddieħor?
1 Minn xħin jisbaħ sa ma jidlam, is-sbuħija tad-dawl viżibbli ġġib tifħir lil Alla Ġeħova. Madanakollu, Ġesù stieden lid-dixxipli tiegħu biex ikollhom tip ieħor taʼ dawl—“id-dawl tal-ħajja.” (Ġw. 8:12) Il-fatt li wieħed ikollu dan it-tidwil spiritwali hu privileġġ speċjali li jġib miegħu responsabbiltajiet serji. Ġesù għallem: “Għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin,” u b’hekk dan id-dawl ikun taʼ benefiċċju għal oħrajn. (Mt. 5:16) Minħabba d-dlam spiritwali profond tal-lum, dan id-dawl għandu jitqassam lil ħaddieħor. Qatt ma kien hawn bżonn daqshekk kbir għalih! Kif nistgħu aħna, bħal Kristu, inħallu d-dawl tagħna jiddi?
2. Ġesù kif wera l-importanza taʼ li naqsmu d-dawl spiritwali m’oħrajn?
2 Billi Nippritkaw: Ġesù uża l-ħin, l-enerġija, u r-riżorsi tiegħu biex jagħmel id-dawl tal-verità magħruf lin-nies fi djarhom, fil-pjazez pubbliċi, fuq il-muntanji—kull fejn setgħu jinstabu. Hu għaraf il-valur dejjiemi taʼ li jipprovdi tidwil spiritwali veru. (Ġw. 12:46) Biex jilħaq terġaʼ iktar nies, Ġesù ħejja lid-dixxipli tiegħu biex ikunu “d-dawl tad-dinja.” (Mt. 5:14) Huma ħallew id-dawl tagħhom jiddi billi għamlu l-ġid mal-proxxmu tagħhom u billi qassmu veritajiet spiritwali.
3. Kif nistgħu nuru apprezzament ġenwin għad-dawl tal-verità?
3 In-nies t’Alla jieħdu bis-serjetà r-responsabbiltà li ‘jibqgħu mexjin bħala wlied id-dawl,’ u jippritkaw kull fejn jinstabu n-nies. (Efes. 5:8) Li sempliċement taqra l-Bibbja jew pubblikazzjonijiet Kristjani oħrajn fejn jistgħu jarawk in-nies matul brejk tax-xogħol jew tal-iskola jistaʼ jiftaħ it-triq għal diskussjoni Skritturali. B’dan il-mod, oħt żagħżugħa bdiet studju tal-Bibbja, u ħalliet kotba maʼ 12 minn sħabha tal-klassi!
4. Il-fatt li nħallu ‘d-dawl tagħna jiddi’ kif jinkludi kondotta eżemplari?
4 Bl-Għemejjel Tajbin: Li nħallu d-dawl tagħna jiddi jinvolvi wkoll il-kondotta tagħna taʼ kuljum. (Efes. 5:9) Fuq ix-xogħol, fl-iskola, u f’postijiet pubbliċi oħrajn, il-kondotta Kristjana tispikka u toħloq opportunitajiet biex jitqassmu veritajiet Bibliċi. (1 Pt. 2:12) Pereżempju, l-imġiba tajba taʼ tifel taʼ ħames snin qanqlet lill-għalliema tiegħu biex iċċempel lill-ġenituri tiegħu. Hi qalet, “Qatt ma rajt tifel li jifhem tant bis-sħiħ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin!” Iva, il-ministeru u l-kondotta mill-aħjar tagħna jiġbdu lin-nies lejn “id-dawl tal-ħajja” u jġibu tifħir lil Alla tagħna.