Tistaʼ Tieħu Sehem fil-Ministeru fil-Ħdud?
1. X’nistgħu nitgħallmu minn dak li għamlu Pawlu u sħabu f’Filippi?
1 Kien is-Sabat, ġurnata meta l-biċċa l-kbira mil-Lhud f’Filippi kienu jistrieħu. Pawlu u sħabu kienu qed iżuru l-belt matul wieħed mill-vjaġġi missjunarji tagħhom. Ħadd ma kien se jikkritikahom kieku huma wkoll straħu mill-ministeru tagħhom f’dik il-ġurnata, xi ħaġa li kienet tistħoqqilhom. Madankollu, kienu jafu li l-Lhud kienu jinġemgħu barra l-belt biex jitolbu, allura ħadu vantaġġ mill-opportunità biex jippritkawlhom. Min jaf kemm kienu ferħanin Pawlu u sħabu meta Lidja semgħet u n-nies kollha taʼ darha tgħammdu! (Atti 16:13-15) Peress li ħafna nies illum jistrieħu l-Ħadd, għala ma tużax parti minn dan il-jum biex tippritkalhom?
2. Liema sfidi għelbu n-nies taʼ Ġeħova sabiex jippritkaw fil-Ħdud mingħajr indħil?
2 Il-Ġlieda għall-Ippritkar fil-Ħdud: Matul l-1927, in-nies taʼ Ġeħova ġew imħeġġin biex iqattgħu parti minn kull ġurnata tal-Ħadd fil-ministeru. Dan mill-ewwel wassal għal oppożizzjoni. Ħafna ġew arrestati fl-Istati Uniti għax kissru l-liġijiet tas-Sabat fil-Ħdud, qajmu storbju, u biegħu mingħajr liċenzja. Imma n-nies taʼ Ġeħova ma qatgħux qalbhom. Fis-snin 30, huma organizzaw “kampanji tad-diviżjonijiet,” li fihom pubblikaturi minn kongregazzjonijiet fil-viċin kienu jingħaqdu biex ikopru territorju. Fid-drabi meta saru l-arresti, tant kien hemm pubblikaturi li l-awtoritajiet ma setgħux iwaqqfuhom. Tapprezza int bis-sħiħ is-sagrifiċċji li għamlu dawn l-aħwa sabiex aħna nkunu nistgħu nippritkaw fil-Ħdud mingħajr indħil?
3. Il-Ħadd għala hu jum tajjeb biex tieħu sehem fil-ministeru?
3 Ġurnata mill-Aħjar Biex Nippritkaw: Ħafna nies ikunu d-dar il-Ħadd għax ma jaħdmux. Ġeneralment, ikunu iktar rilassati. Xi wħud li jmorru l-knisja għandhom mnejn ikunu iktar lesti li jitkellmu dwar Alla f’din il-ġurnata. Jekk għandna l-laqgħa tagħna l-Ħadd, diġà nkunu lebsin qisna sejrin għall-ministeru, allura għala ma nippjanawx li noħorġu fis-servizz tal-għalqa qabel jew wara l-laqgħa? Jekk hemm bżonn, ħejji ikla ħafifa biex tiħodha miegħek.
4. Liema ferħ nistgħu nesperjenzaw jekk inqattgħu parti mill-ġurnata tal-Ħadd fil-ministeru?
4 Jekk nużaw parti mill-ġurnata tal-Ħadd għall-ministeru, xorta jkollna l-ħin biex aħna jkollna l-mistrieħ li neħtieġu. U l-mistrieħ tagħna se jkollu wkoll is-sodisfazzjon li jiġi milli nieħdu sehem f’servizz sagru. (Prov. 19:23) Forsi anke nesperjenzaw il-ferħ taʼ li nsibu lil xi ħadd bħal Lidja!