Ibqaʼ ffokat fuq li tagħmel dixxipli
1. X’jeħtieġ li nagħmlu biex jiġu salvati n-nies?
1 Ir-rapport tas-sena taʼ servizz tal-2014 jirrifletti ż-żelu tan-nies t’Alla u d-determinazzjoni li għandhom biex jippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna. (Mt. 24:14) Aħna qed nilħqu iktar nies bil-messaġġ tal-Bibbja minn qatt qabel permezz tal-ippritkar minn dar għal dar, kampanji speċjali biex jitqassmu fuljetti u inviti, u permezz tal-ippritkar f’postijiet pubbliċi. Madankollu, jekk irridu li nsalvaw lin-nies, jeħtieġ li ngħinuhom isiru dixxipli taʼ Ġesù billi nistudjaw il-Bibbja magħhom.—1 Tim. 2:4.
2. Liema mistoqsijiet nistgħu nsaqsu lilna nfusna ħalli nkunu dejjem lesti biex noffru studju tal-Bibbja?
2 Dejjem kun lest biex toffri studju tal-Bibbja: Meta individwu juri interess, tagħmel int sforz biex tikseb id-dettalji tiegħu u mbagħad terġaʼ żżuru minnufih bil-mira li tibda studju tal-Bibbja? Meta kien l-aħħar li pprovajt turi kif isir studju tal-Bibbja fl-ewwel żjara? Meta kien l-aħħar li offrejt studju tal-Bibbja lil dawk li ttihom ir-rivisti regolarment? Urejt il-vidjows Għala għandek tistudja l-Bibbja? u X’jiġri matul studju tal-Bibbja? lill-kollegi tiegħek, lil dawk tal-iskola, lill-ġirien, lill-qraba, u lil oħrajn li taf? Meta tuża mejda jew stand tal-letteratura, tagħmel sforz biex tinforma lil dawk li jieħdu pubblikazzjoni għall-istudju li jekk iridu jistaʼ jkollhom studju tal-Bibbja bla ħlas?
3. Sabiex ngħallmu l-verità b’suċċess, x’inhu mitlub minna?
3 Għajnuna mingħand Ġeħova u Ġesù: Billi Ġesù beda l-kmand tiegħu biex ‘jagħmlu dixxipli’ bil-kelma “morru,” hu tana x’nifhmu li jeħtieġ li nagħmlu sforz u nieħdu l-inizjattiva. Madankollu, ma telaqniex għal riħna imma wiegħed li jkun magħna. (Mt. 28:19, 20) Barra minn hekk, Ġeħova tana l-ispirtu qaddis tiegħu u l-għodod u t-taħriġ li għandna bżonn biex ngħallmu l-verità lin-nies. (Żak. 4:6; 2 Kor. 4:7) Aħna nistgħu nitolbu ‘kemm biex ikollna r-rieda u kemm biex naġixxu’ ħalli nieħdu sehem f’dan ix-xogħol importanti.—Flp. 2:13.
4. Għala għandna nibqgħu ffokati fuq li nagħmlu dixxipli?
4 L-ippritkar tal-aħbar tajba jġibilna ferħ kbir. Madankollu, il-ferħ tagħna jiżdied meta ngħallmu l-verità lil xi ħadd u ngħinuh biex jingħaqad magħna fit-“triq li tieħu għall-ħajja.” (Mt. 7:14; 1 Tess. 2:19, 20) Iktar importanti minn hekk, billi nibqgħu ffokati fuq li nagħmlu dixxipli, inkunu qed nogħġbu lil Ġeħova li “ma jixtieqx li xi ħadd jinqered imma jixtieq li kulħadd jasal għall-indiema.”—2 Pt. 3:9.