Mistoqsijiet mill-Qarrejja
X’ried ifisser il-kittieb taʼ Proverbji 30:18, 19 meta qal: “[Hu] wisq tal-għaġeb għalija . . . kif raġel iġib ruħu meta jkun maʼ mara”?
Ħafna nies ilhom jipprovaw jifhmu xi jfisser dal-vers, inkluż studjużi tal-Bibbja. Il-vers sħiħ fit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida jgħid: “Hemm tliet affarijiet li huma wisq tal-għaġeb għalija u erbgħa li ma nifhimhomx: Kif ajkla ttir fis-sema, kif serp jitkaxkar fuq blata, kif vapur jivvjaġġa f’baħar miftuħ, u kif raġel iġib ruħu meta jkun maʼ mara.”—Prov. 30:18, 19.
Qabel, il-kliem “kif raġel iġib ruħu meta jkun maʼ mara” konna nifhmuh f’sens negattiv. Għala? Għax versi oħra f’dan il-kapitlu jsemmu affarijiet negattivi li jgħidu li qatt m’għandhom “biżżejjed.” (Prov. 30:15, 16) U vers 20 isemmi mara adultera li tgħid: “M’għamilt xejn ħażin.” (Prov. 30:20, ntt.) Minħabba dan kollu, konna naħsbu li dan il-vers jirreferi għal meta jsiru xi affarijiet u ma jkunx hemm evidenza tagħhom. Konna naħsbu li bħalma l-ajkla ttir fis-sema, is-serp jitkaxkar fuq il-blat, u kif vapur jivvjaġġa f’baħar miftuħ, raġel jaf jagħmel xi ħaġa li ma jkun jaf biha ħadd. Fuq dan ir-raġunar, konna naħsbu li l-espressjoni “kif raġel iġib ruħu meta jkun maʼ mara” tfisser li jkun għamel xi ħaġa ħażina u li dan il-ġuvni jkun qarraq bi tfajla biex ikollu x’jaqsam magħha.
Imma milli jidher, hemm raġunijiet li juru li dawn il-versi qed jirreferu għal xi ħaġa pożittiva. Il-kittieb kulma kien qed jagħmel kien li jistagħġeb bl-affarijiet tal-għaġeb li kien qed jara.
Il-vers bl-Ebrajk ukoll juri li jirreferi għal xi ħaġa pożittiva. Skont dizzjunarju tal-Iskrittura Ebrajka, il-kelma bl-Ebrajk għal “wisq tal-għaġeb għalija” fi Proverbji 30:18 tirreferi għal okkażjoni sabiħa ħafna jew li tidher impossibbli.
Il-Professur Crawford Howell Toy mill-Università taʼ Harvard fl-Istati Uniti wkoll qal li l-versi ma kinux qed jiddeskrivu xi ħaġa negattiva. Hu qal: “Il-kittieb kulma kien qed jagħmel kien li jsemmi ċertu affarijiet sbieħ.”
Mela jkun raġunevoli li ngħidu li l-kliem fi Proverbji 30:18, 19 qed isemmi affarijiet tal-għaġeb li ġieli lanqas inkunu nistgħu nifhmuhom. Bħall-kittieb tal-Bibbja, aħna nistagħġbu meta naraw ajkla ttir fl-għoli, serp bla saqajn jitkaxkar fuq blata, vapur kbir jibqaʼ f’wiċċ l-ilma, u żagħżugħ u żagħżugħa li jsiru jħobbu lil xulxin u jgħixu ferħanin flimkien.