Iż Żghażagħ Jistaqsu
Għandi Nistqarr Dnubi?
“X’mistħija, ma nafx x’se naqbad nagħmel. Irrid immur għand il-ġenituri tiegħi, imma qiegħda nistħi wisq.”—Lisa.a
HEKK kitbet żagħżugħa inkwetata. Kienet ġiet involuta b’mod romantiku għal perijodu taʼ ftit snin maʼ wieħed mhux taʼ l-istess twemmin u darba, taħt l-influwenza taʼ l-alkoħol, kellha x’taqsam miegħu sesswalment.
B’sogħba, affarijiet bħal dawn jiġru minn żmien għal żmien, anki fost żgħażagħ Kristjani. Iktar ma nkunu żgħar u mingħajr esperjenza, iżjed hemm iċ-ċans li nagħmlu żbalji. Imma fil-waqt li hija ħaġa waħda li tagħmel żball żgħir, hija ħaġ’oħra li tkun involut fi żball serju, bħall-immoralità sesswali. (1 Korintin 6:9, 10) Meta jiġri hekk, żagħżugħ jeħtieġ li jitlob l-għajnuna. Il-problema hija li m’huwiex faċli li wieħed jistqarr l-iżbalji tiegħu.
Tfajla Kristjana ħadet sehem f’sess qabel iż-żwieġ. Iddeċidiet li tistqarr kollox lill-anzjani tal-kongregazzjoni tagħha, u saħansitra stabbiliet data li fiha kellha tagħmel hekk. Imma pposponiet id-data. Iktar tard, reġgħet ipposponietha. Malajr għaddiet sena sħiħa!
“Xejn Moħbi”
Jekk waqajt fi dnub serju, int jeħtieġ tirrealizza illi li żżomm sieket m’hijiex idea għaqlija. Wara kollox, il-verità ġeneralment xorta tinkixef. Meta kien żgħir, Mark kisser ornament taċ-ċeramika li jeħel mal-ħajt. “Ipprovajt ninkollah bil-galbu lura flimkien,” hu jiftakar, “imma l-ġenituri tiegħi ma damux ma lemħu x-xquq.” Veru, int m’għadekx xi tifel żgħir. Imma l-biċċa l-kbira tal-ġenituri ġeneralment jindunaw meta t-tfal tagħhom jidħlu f’xi saram.
“Ipprovajt ngħatti l-problemi tiegħi bil-gideb,” tammetti Ann li għandha 15-il sena, “imma swieli agħar.” Iżjed iva milli le, il-gideb jinkixef. U meta l-ġenituri tiegħek isiru jafu li gdibt, x’aktarx li se jkunu diżappuntati, iżjed diżappuntati milli kienu jkunu li kieku għedtilhom mill-ewwel.
Saħansitra iżjed importanti, il-Bibbja tgħid: “Ma hemm xejn moħbi li ma għadx jidher, u xejn ma hemm mistur li ma għadx jingħaraf u jinġieb għad-dawl.” (Luqa 8:17) Jehovah jaf x’għamilna u x’qegħdin nagħmlu. Ma tistax tinħeba minnu iżjed milli setaʼ Adam. (Ġenesi 3:8-11) Maż-żmien, dnubietek għandhom mnejn jiġu esposti lil oħrajn.—1 Timotju 5:24.
Li żżomm sieket jistaʼ jagħmillek il-ħsara b’modi oħrajn ukoll. Is-salmista David kiteb: “Jien bqajt sieket, u nfena ġismi, jiena u nokrob il-jum kollu. Għax lejl u nhar it-toqol taʼ idek fuqi.” (Salm 32:3, 4) Iva, it-tensjoni taʼ li żżomm sigriet tistaʼ tkun taʼ piż tqil emozzjonalment. L-anzjetà u l-ħtija, kif ukoll il-biżaʼ li se tinkixef, jistgħu jġagħluk tagħmel f’qalbek. Għandu mnejn li tibda titbiegħed mill-ħbieb u minn tal-familja. Għandu mnejn saħansitra tħossok li ġejt maqtugħ minn Alla nnifsu! “Kont qiegħed ngħix b’kuxjenza ħatja talli nikkitt lil Jehovah,” kiteb żagħżugħ jismu Andrew. “Kont qiegħed nittiekel minn ġewwa.”
Ikser Is-Silenzju
Hemm xi mod li tistaʼ tikseb serħan minn dan it-taqlib emozzjonali? Iva, hemm! Is-salmista qal: “Id-dnub tiegħi jien stqarrejtlek, u l-ħażen tiegħi ma ħbejtulekx. . . . U int ħfirtli l-ħażen tad-dnub tiegħi.” (Salm 32:5; qabbel 1 Ġwann 1:9.) Bl-istess mod Andrew sab serħan veru meta stqarr dnubu. Hu jiftakar: “Avviċinajt lil Jehovah u tlabt bis-serjetà għall-maħfra tiegħu.”
Int tistaʼ tagħmel l-istess. Itlob lil Jehovah. Hu jaf x’għamilt, imma b’umiltà ammetti dan miegħu fit-talb. Itlob il-maħfra billi ma żżommx lura minħabba li tħossok tant mill-agħar li ma tistax tiġi mgħejjun. Ġesù miet sabiex aħna nkunu nistgħu ngawdu waqfa tajba m’Alla minkejja l-imperfezzjoni tagħna. (1 Ġwann 2:1, 2) Tistaʼ wkoll titlob għas-saħħa biex tagħmel il-bidliet meħtiġin. Li taqra Salm 51 għandu mnejn ikun partikolarment t’għajnuna għalik f’li tagħmel dan l-avviċinar lejn Alla.
Għid Lill-Ġenituri Tiegħek
Iżjed huwa meħtieġ, madankollu, milli sempliċement tistqarr dnubietek lil Alla. Int obbligat ukoll li tgħid lill-ġenituri tiegħek. Huma ġew inkarigati minn Alla biex irabbuk “fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej.” (Efesin 6:4) Jistgħu jagħmlu dan biss jekk ikunu jafu l-problemi tiegħek. Ukoll, li tgħid lill-ġenituri tiegħek għandu mnejn ma jkunx faċli jew pjaċevoli. Imma wara l-ewwel reazzjoni tagħhom, x’aktarx li se jikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħhom. Għandhom mnejn saħansitra jkunu kuntenti li fdajthom biżżejjed biex tikxef il-problema tiegħek magħhom. Il-parabbola taʼ Ġesù taʼ l-iben il-ħali tirrakkonta dwar żagħżugħ li waqaʼ fl-immoralità sesswali. Imma meta fl-aħħar stqarr kollox, missieru laqgħu b’idejh miftuħin! (Luqa 15:11-24) Bla dubju l-ġenituri tiegħek bl-istess mod se jagħtuk l-għajnuna. Wara kollox, għadhom iħobbuk.
Veru, għandek mnejn tibżaʼ li se tweġġaʼ lill-ġenituri tiegħek. Imma m’huwiex li tistqarr id-dnub li jweġġaʼ lill-ġenituri tiegħek; huwa l-fatt li wettaqt id-dnub li jweġġagħhom! Li tistqarr huwa l-ewwel pass lejn li ttaffi dak l-uġigħ. Ann, li ssemmiet qabel, qaltilhom lill-ġenituri tagħha u wara dan ħassitha ferm aħjar.b
Jerġaʼ ostaklu ieħor għal li tistqarr dnubek huwa l-mistħija u l-imbarazzament. L-iskrib leali Esdra ma wettaqx id-dnubiet hu nnifsu, imma meta stqarr id-dnubiet taʼ sħabu Lhud, hu qal: “Jien inħossni nistħi, u wiċċi ma jagħtinix li nerfaʼ ħarsti lejk, Alla tiegħi.” (Esdra 9:6) Verament, huwa xieraq li tħoss il-mistħija meta tagħmel xi ħaġa ħażina. Dan jindika li l-kuxjenza tiegħek għadha taħdem. U biż-żmien dawk is-sentimenti taʼ mistħija se jonqsu. Andrew poġġieha b’dan il-mod: “Huwa estremament diffiċli u imbarazzanti li tistqarr kollox. Imma li taf li Jehovah se jaħfer bil-kbir huwa taʼ serħan.”
Mur Għand L-Anzjani
Jekk int Kristjan, il-kwistjoni ma tiqafx meta tgħid lill-ġenituri tiegħek. Jgħid Andrew: “Kont naf li kelli mmur bil-problema tiegħi għand l-anzjani. X’serħan kien għalija li nkun naf li huma kienu qegħdin hemm biex jgħinuni!” Iva, żgħażagħ fost ix-Xhieda taʼ Jehovah jistgħu u għandhom imorru għand l-anzjani tal-kongregazzjoni għall-għajnuna u l-inkuraġġiment. Imma għala ma tistax sempliċement titlob lil Jehovah u tieqaf hemm? Għaliex Jehovah inkariga lill-anzjani bir-responsabbiltà li “jgħassu fuqkom.” (Lhud 13:17) Jistgħu jgħinuk tevita li terġaʼ taqaʼ fid-dnub.—Qabbel Ġakbu 5:14-16.
La tqarraqx bik innifsek billi tirraġuna li tistaʼ tgħin lilek innifsek. Li kieku kont verament b’saħħtek biżżejjed biex tagħmel hekk, kont int taqaʼ fid-dnub fil-bidu? B’mod ċar, għandek bżonn tfittex l-għajnuna mingħand ħaddieħor. Andrew b’kuraġġ hekk għamel. Il-parir tiegħu? “Ninkuraġġixxi lil kull min hu involut fi dnub serju, jew li kien involut, biex jiftaħ qalbu maʼ Jehovah u maʼ wieħed mir-ragħajja tiegħu.”
Imma eżattament kif għandek tavviċina anzjan? Agħżel wieħed maʼ min tħossok komdu biżżejjed. Tistaʼ tibda billi tgħid: “Għandi bżonn inkellmek dwar xi ħaġa” jew “Għandi problema” jew saħansitra “Għandi problema u għandi bżonn l-għajnuna tiegħek.” Li tkun onest u apert se juri b’mod ċar l-indiema tiegħek u x-xewqa li tinbidel.
‘Nibżaʼ Li Niġi Maqtugħ Mis-Sħubija’
Xi ngħidu għal dik il-possibiltà? Huwa veru illi li wieħed jikkommetti xi dnub serju jagħmel lil dak li jkun suġġett għal li jiġi maqtugħ mis-sħubija, imma dan mhux awtomatikament. Il-qtugħ mis-sħubija qiegħed għal dawk li jirrifjutaw li jindmu—dawk li b’rashom iebsa jirrifjutaw li jinbidlu. Jgħid Proverbji 28:13: “Min jaħbi ħtijietu ma jiksibx ġid, imma min jistqarrhom u jaqtagħhom jaqlaʼ l-ħniena.” Il-fatt li int avviċinajt lill-anzjani għall-għajnuna huwa evidenza tax-xewqa tiegħek li tinbidel. L-anzjani huma primarjament uħud li jfejqu u mhux uħud li jikkastigaw. Huma obbligati li jittrattaw lin-nies t’Alla b’qalb tajba u b’dinjità. Iridu jgħinuk tagħmel ‘triq dritta għal riġlejk.’—Lhud 12:13.
Irridu nammettu li, fejn hemm involuti l-qerq jew il-prattika taʼ dnub serju fuq perijodu twil, jistaʼ jkun hemm nuqqas taʼ “opri xierqa taʼ ndiema” li jikkonvinċu. (Atti 26:20) Xi kultant veru li jirriżulta qtugħ mis-sħubija. U saħansitra meta wieħed li żbalja jindem, l-anzjani huma obbligati li jimponu xi forma taʼ dixxiplina. Għandek tirrabja jew titqarras dwar id-deċiżjoni tagħhom? F’Lhud 12:5, 6, Pawlu jħeġġeġ: “Ibni, la twarrabx it-twiddib tal-Mulej, u la taqtax qalbek meta jċanfrek; għax il-Mulej iwiddeb lil min iħobb, jolqot lil kull min jilqaʼ b’ibnu.” Tkun xi tkun id-dixxiplina li tirċievi, ħares lejha bħala evidenza li Alla jħobbok. Ftakar, indiema ġenwina se terġaʼ tagħtik relazzjoni xierqa maʼ Missierna kollu ħniena, Alla Jehovah.
Irid ikollok il-kuraġġ biex tammetti l-iżbalji tiegħek. Imma billi tagħmel hekk, tistaʼ tikkorreġi l-iżbalji mhux biss mal-ġenituri tiegħek imma m’Alla Jehovah innifsu. Tħallix il-biżaʼ, il-kburija, jew l-imbarazzament iżommuk milli titlob l-għajnuna. Ftakar: Jehovah se “jaħfer ħafna.”—Isaija 55:7.
[Noti taʼ taħt]
a Xi ismijiet ġew mibdulin.
b Għal informazzjoni dwar kif tavviċina lill-ġenituri tiegħek, ara t-2 kapitlu tal-ktieb Questions Young People Ask—Answers That Work, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
[Stampa fʼpaġna 11]
Li tistqarr kollox lill-ġenituri tiegħek
jistaʼ jwassal għal fejqan spiritwali
[Kumment fʼpaġna 12]
‘Ninkuraġġixxi lil dawk kollha li dinbu biex jiftħu qlubhom maʼ Jehovah.’—Andrew