L-Itteppjar Tas-Sħab
MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FL-AMERKA T’ISFEL
RIĊERKATURI li jaħdmu fiċ-Ċilì addattaw b’suċċess teknika Għarbija antika li tiġbed l-ilma miċ-ċpar. “Siġar taż-żebbuġ fid-deżerti taʼ l-Oman,” tispjega n-newsletter Health InterAmerica, “ġew nutriti għal sekli sħaħ mill-ilma taċ-ċpar li jinġemaʼ fuq il-weraq u jqattar għal ġo tankijiet żgħar mibnijin taħt is-siġar.” Minflok siġar taż-żebbuġ, ir-riċerkaturi waqqfu xbieki kbar ħafna fi nħawi muntanjużi fid-deżert li huma mgħottijin regolarment biċ-ċpar li jiġi minn fuq l-oċean. Ix-xbieki, li jidhru qishom xbieki ġganteski tal-volleyball, jilqgħu l-qtar żgħir taʼ l-ilma li jiġi miċ-ċpar. Dan iqattar għal ġo kanal li jitbattal f’kanna, li ġġorr l-ilma għal ġo tank fejn jiġi maħżun.
Ċungungo, villaġġ żgħir li jinsab fid-deżert fuq il-kosta tat-Tramuntana taċ-Ċilì, ta prova li dis-sistema tirnexxi. Erbatax-il sena ilu, tgħid l-IDRC Reports, rivista ppubblikata mill-International Development Research Centre tal-Kanada, l-abitanti taʼ Ċungungo ma kellhom l-ebda sors lokali taʼ ilma frisk. It-trakkijiet kienu jġibu 1,300 gallun kuljum, u kull familja kellha minn gallun sa 4 galluni biex tgħaddi bihom kuljum. Illum, madankollu, grazzi għal dawk il-75 xibka li jiġbru ċ-ċpar installati fuq il-muntanji ’l fuq mill-villaġġ, meravilja taʼ 2,900 gallun ilma qegħdin igelglu għal ġo Ċungungo, u qed jipprovdu 8 galluni ilma kuljum lil kull abitant tal-villaġġ. Ir-riċerkatur Dr. Robert Schemenauer, studjuż tal-fiżika tas-sħab, jgħid li s-sistema taʼ l-ilqugħ taċ-ċpar tat spinta lis-saħħa tan-nies tal-villaġġ. “Kulħadd qed jiekol ħxejjex u frott mill-ġonna u l-imsaġar tiegħu stess.”
L-ilma taċ-ċpar m’huwiex biss tajjeb għas-saħħa imma rħis ukoll. Installazzjoni medja, jgħid Dr. Schemenauer, tiswa madwar 75,000 dollaru Amerikan imqabbla mal-miljuni taʼ dollari li hemm bżonn biex tinbena diga. Xi riċerkaturi jgħidu li għalkemm ħafna postijiet oħrajn madwar id-dinja li jbatu minn nixfa kbira jistgħu jibbenefikaw minn din is-sistema, l-aġenziji internazzjonali damu ma rrikonoxxew dan il-metodu alternattiv għall-provista taʼ l-ilma.
[Stampi fʼpaġna 19]
Xellug: Xbieki fuq il-quċċata tal-muntanja li jilqgħu l-qtar taʼ l-ilma miċ-ċpar
Taħt: Dehra mill-viċin tax-xibka
[Sors]
Ritratti: IDRC