LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g97 10/8 pp. 24-26
  • Hemm Xi Periklu Fir-​rave Parties?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Hemm Xi Periklu Fir-​rave Parties?
  • Stenbaħ!—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ħarsa Lejn Ix-​Xena Tar-​Rave
  • L-​Aspett Degradanti Tar-​Rave Parties
  • Ir-​Rave Parties Jgħoddu Għalik?
  • Id-Drogi In-Nies Għala Jabbużaw Minnhom?
    Stenbaħ!—2001
  • X’Għandha Tkun il-Ħarsa Tiegħi Lejn id-Diskoteki?
    Stenbaħ!—2004
  • Żgħażagħ—Irreżistu l-Ispirtu tad-Dinja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Għasses Kontra Mużika Moralment taʼ Ħsara!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
Ara Iżjed
Stenbaħ!—1997
g97 10/8 pp. 24-26

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu

Hemm Xi Periklu Fir-​rave Parties?

“Meta nkun qed niżfen u nxejjer idejja, u l-​mużika tibda tiġri maʼ ġismi kollu, inħoss li dawk li jkunu qed jiżfnu miegħi jagħtuni l-​enerġija. Inkun qisni f’estasi.”​— Gena.

HEKK tiddeskrivih Gena l-​eċċitament taʼ meta tattendi xi rave party. Dawn il-​parties taż-​żfin, li normalment idumu l-​lejl kollu, saru popolari għall-​ewwel darba fil-​Gran Britannja matul is-​snin 80. Issa qed jitfaċċaw f’kull parti tal-​globu, inkluż fil-​Belġju, fil-​Kanada, fil-​Ġermanja, fl-​Indja, fi New Zealand, fl-​Afrika t’Isfel, fl-​Istati Uniti, u anki f’Malta.

Ir-rave parties isiru ġo nightclubs, imħażen abbandunati, għelieqi vojta​—ikun fejn ikun, basta jkun post fejn jistgħu jiltaqgħu n-​nies għal lejl taʼ żfin sfrenat, mingħajr waqfien. “Ir-​rave parties bil-​mod il-​mod qed jieħdu post il-​ġiri fin-​nightclubs bħala l-​forma taʼ rikreazzjoni preferuta miż-​żgħażagħ,” kiteb Adam Levin, fis-​Sunday Times Magazine taʼ Johannesburg, fl-​Afrika t’Isfel. “Jekk iż-​żgħażagħ tiegħek għadhom ma semmewhomx s’issa,” żied hu, “allura għandek problema taʼ komunikazzjoni.”

Ħarsa Lejn Ix-​Xena Tar-​Rave

Ir-​rave parties xi drabi jinżammu sigrieti, billi l-​post fejn ikunu se jsiru ma jiġix mgħarraf sa dak in-​nhar tal-​party. Minkejja dan, meta jinxtegħlu d-​dwal ikkuluriti li jibdew jiċċaqalqu ’l hemm u ’l hawn, u tibda ttanbar il-​mużika techno, jistaʼ jkun hemm preżenti minn ftit għaxriet sa eluf taʼ żgħażagħ lebsin ilbies stramb. “Ikunu qishom ċorma waħda numeruża jiżfnu u jiżvogaw is-​sentimenti aggressivi tagħhom mar-​ritmu tal-​mużika,” qalet Katy, studenta fit-​tieni sena tal-​junior college.

Madankollu, rave party huwa iżjed minn sempliċi party taż-​żfin. Huwa wkoll kultura, jew “xena,” bħalma jħobbu jsejħulu r-​ravers. Il-​prinċipji fundamentali tax-​xena tar-​rave jingħad li huma l-​paċi, l-​imħabba, l-​unità, u r-​rispett​—tkun xi tkun ir-​razza, in-​nazzjonalità, jew it-​tendenza sesswali taʼ l-​individwu. “Konna qegħdin nipprovaw inħalltu l-​kulturi f’dawn il-​parties,” qal is-​sid taʼ ħanut li jispeċjalizza fil-​mużika dance. “L-​idea hi li nħossuna qrib taʼ xulxin,” żied hu, “u li niżfnu flimkien huwa mod effettiv kif nilħqu dan l-​iskop.”

Meta tqis dawn l-​ideali tant nobbli, għandek mnejn tistaqsi, ‘X’jistaʼ jkun hemm ħażin fir-​rave parties?’ Imma hemm aspett ieħor tax-​xena tar-​rave li għandek tikkunsidra.

L-​Aspett Degradanti Tar-​Rave Parties

Xi wħud isostnu li rari jkun hemm alkoħol fir-​rave parties. Id-​drogi, madankollu, huma ħaġ’oħra. “Min jaf ix-​xena tar-​rave kinitx tiġi aċċettata iżjed faċilment mill-​pubbliku li kieku d-​drogi ma kinux użati daqshekk?” jammetti raver jismu Brian. “M’għandniex xi ngħidu,” hu jżid, “ħafna oħrajn ma jistgħux jimmaġinaw kif qatt setgħu bdew jeżistu r-​rave parties mingħajrhom.”

Għalkemm il-​marijuana u l-​LSD saru popolari f’xi rave parties, id-​droga ppreferuta mir-​ravers mid-​dehra hija l-​MDMA, magħrufa aħjar bħala Ecstasy. Dawk li jużawha jsostnu li l-​Ecstasy hija relattivament mingħajr periklu. Huma jinsistu li din sempliċement tagħtihom l-​enerġija biex jibqgħu jiżfnu l-​lejl kollu u li ġġagħalhom iħossuhom iżjed ewforiċi. Madankollu, taħt it-​titlu “Droga Popolari Tistaʼ Tagħmel Ħsara Lill-​Moħħ,” The New York Times tinnota li l-​Ecstasy “jistaʼ jkollha effetti taʼ ħsara fit-​tul fuq l-​aptit, l-​irqad, il-​burdata, kemm jirreaġixxu malajr is-​sensi u funzjonijiet oħrajn tal-​moħħ.” U dak mhux kollox. “Kien hemm każi taʼ mwiet ikkaġunati mill-​Ecstasy,” jgħid Dr. Howard McKinney, “u diversi każi oħrajn fejn nies li ħadu dożi normali sofrew attakki tal-​qalb, il-​fwied ma baqax jaħdmilhom tajjeb jew inkella waqgħu f’koma.” Bir-​raġun kollu Dr. Sylvain de Miranda jgħid: “Dawk li jmorru r-​rave parties u jieħdu l-​Ecstasy qegħdin jiżfnu mal-​mewt.”

Saħansitra drogi organiċi​—bħal-​LSD, l-​Acceleration, l-​Ecstasy magħmula mill-​ħwawar, jew ir-​Rush—​jistgħu jkunu taʼ ħsara. Per eżempju, ħafna jsostnu li taħt ċerti kundizzjonijiet, id-​droga organika Acceleration tistaʼ tikkaġuna attakk tal-​qalb u anki l-​mewt.

Għal dawk li xorta jinsistu li d-​drogi wżati fir-​rave parties ma jagħmlux ħsara, hemm fattur ieħor x’jikkunsidraw. Ian Briggs, ditektiv fil-​pulizija Kanadiża, isostni li 90 fil-​mija tad-​drogi mibjugħin bħala Ecstasy m’huma Ecstasy xejn. “Ħafna minnhom ikunu PCP jew drogi perikolużi oħrajn,” jgħid hu. “In-​nies li jbigħu dawn id-​drogi huma bla kuxjenza. Huma jisparixxu mix-​xena meta d-​drogi jibdew jagħmlu l-​effett tagħhom.”a

Irridu nammettu li f’xi rave parties huwa veru li ma jkunx hemm drogi. Madankollu, anki r-​ravers jammettu li ħafna drabi huwa impossibbli li tkun taf minn qabel jekk xi ftit, ħafna, jew il-​biċċa l-​kbira minn dawk li jkunu preżenti f’rave party humiex se jkunu taħt l-​influwenza taʼ xi sustanza illegali.

Ir-​Rave Parties Jgħoddu Għalik?

M’hemm xejn ħażin fil-​mużika u ż-​żfin fihom infushom, u lanqas hija xi ħaġa barra minn lokha li tixtieq tieħu pjaċir. Wara kollox, il-​Bibbja tgħid li hemm “żmien li tidħak” u “żmien li tiżfen.” (Koħèlet 3:4) Din tħeġġeġ ukoll: “Thenna . . . fir-​rebbiegħa taʼ ħajtek.” (Koħèlet 11:9) Mela l-​Ħallieq iridek tkun hieni! Minkejja dan, trid tiftakar li “d-​dinja kollha qiegħda taħt idejn il-​Ħażin,” Satana x-​Xitan. (1 Ġwann 5:​19) B’hekk, m’għandhiex tkun taʼ sorpriża li xi forom taʼ rikreazzjoni li huma gglorifikati minn din id-​dinja ħafna drabi jkunu mtebbgħin b’elementi li ma jibnux.

Per eżempju, aħseb dwar dawk li jattendu r-​rave parties. Qegħdin huma jsegwu t-​twissija tal-​Bibbja biex ‘jitnaddfu minn kull tidnis tal-​ġisem u tar-​ruħ’? (2 Korintin 7:1) Veru, ir-​ravers għandhom mnejn jadottaw il-​paċi, l-​imħabba, u l-​unità bħala prinċipji. Imma “l-​għerf li ġej mill-​għoli” mhux biss “iħobb is-​sliem”; huwa wkoll “safi.” (Ġakbu 3:​15, 17, Karm Żammit) Staqsi lilek innifsek, ‘Il-​morali taʼ dawk li jiffrekwentaw ir-​rave parties huma f’armonija mal-​livelli li nsibu fil-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja? Irrid jien inqattaʼ l-​lejl kollu maʼ dawk li “[j]ħobbu aktar il-​pjaċir milli ’l Alla”?’​—2 Timotju 3:4; 1 Korintin 6:​9, 10; qabbel Isaija 5:​11, 12.

Dawn huma mistoqsijiet importanti biex nikkunsidrawhom, għax Pawlu kiteb li “l-​ħbiberija ħażina tħassar id-​drawwiet tajba.” (1 Korintin 15:33) Li nagħmluha maʼ dawk li ma jagħtux kas tal-​liġijiet t’Alla fl-​aħħar mill-​aħħar se jwassal għal diżastru, għax il-​Bibbja tistqarr: “Min jagħmilha maʼ l-​għaref isir għaref, min imur mal-​boloh jaqaʼ fl-​hemm.”​—Proverbji 13:20.

Il-fatt hu li ħafna rave parties m’huma xejn ħlief parties tad-​drogi u dawk li jattendu jistgħu jaħsdu konsegwenzi taʼ mrar. F’xi rave parties, per eżempju, il-​pulizija jagħmlu rejds u jwaqqfuhom, jew għax ikunu qed isiru illegalment jew għax ikun hemm id-​drogi. Trid int tiġi magħdud maʼ dawk li ma jobdux il-​liġi? (Rumani 13:​1, 2) Saħansitra jekk m’hemm ebda ksur tal-​liġi, tistaʼ int tattendi party bħal dan u tibqaʼ “bla tinġis ’il bogħod mid-​dinja”? (Ġakbu 1:​27) Ladarba x-​xalar, jew “parties bla rażan” (Byington), huma kkundannati fil-​Bibbja, tippermettilek il-​preżenza tiegħek f’rave party li żżomm kuxjenza nadifa quddiem Alla u l-​bnedmin?​—Galatin 5:​21; 2 Korintin 4:​1, 2; 1 Timotju 1:​18, 19.

Jidher ċar li l-​Kristjani għandhom joqogħdu b’sebaʼ għajnejn għall-​perikli tar-​rave parties. Imma tiddisprax. Għad fadal ħafna tipi taʼ rikreazzjoni li tistaʼ tgawdi. Per eżempju, ħafna familji fost ix-​Xhieda taʼ Jehovah għamlu arranġamenti għal get-togethers edifikanti.b Jekk isir ippjanar b’attenzjoni u jkun hemm superviżjoni tajba, dawk kollha li jattendu jħossuhom rifreskati spiritwalment u fiżikament. Ħaġa iktar importanti, sħubija li tibni togħġob lil Jehovah, “dak Alla hieni,” li jrid lill-​poplu tiegħu jifraħ.​—1 Timotju 1:​11, New World Translation; Koħèlet 8:​15.

[Kaxxa f’paġna 25]

[Missing in Maltese research]

[Noti ta, taħt]

a Il-PCP (phencyclidine) huwa anestetiku li xi kultant jintuża illegalment biex iġiegħel lill-​moħħ jimmaġina ħafna affarijiet qishom veri.

b Għal iżjed informazzjoni, ara It-​Torri Taʼ L-​Għassa tal-​15 taʼ Novembru, 1992, paġni 12-16, u Stenbaħ!, April-Ġunju 1997, paġni 8-10.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja