Napprezzaw Lin-Nisa U x-Xogħol Tagħhom
TLETT elef sena ilu, raġel jismu Lemuwel kiteb deskrizzjoni taʼ tifħir dwar mara taʼ ħila. Dan huwa ddokumentat fil-Bibbja fi Proverbji kapitlu 31. Il-mara li hu tant faħħar il-virtujiet tagħha ċertament li kienet bieżla. Kienet tieħu ħsieb il-familja tagħha, tinnegozja fis-suq, tbigħ u tixtri l-art, tagħmel il-ħwejjeġ għan-nies taʼ darha, u taħdem fir-rabaʼ.
Din il-mara ma kinitx issottovalutata. ‘Uliedha jsejħulha mbierka, u żewġha jfaħħarha.’ Mara bħal din hija teżor. Il-Bibbja tgħid, “Tiswa ħafna iktar mir-rubini.”—Proverbji 31:10, 28, New International Version.
Minn żmien Lemuwel ’l hawn, ix-xogħol tan-nisa sar pjuttost iktar ikkomplikat. L-irwol tagħhom fis-seklu 20 taʼ spiss jirrikjedi li jagħmluha taʼ nisa miżżewġin, ommijiet, infermieri, għalliema, uħud li jaqilgħu l-għajxien għall-familja, u bdiewa—kollha fl-istess ħin. Numru bla għadd taʼ nisa jagħmlu minn kollox biex jaraw li wliedhom ikollhom biżżejjed x’jieklu. Mhux anki dawn in-nisa kollha jistħoqqilhom apprezzament u tifħir?
In-Nisa Bħala Wħud li Jaqilgħu l-Għajxien
Illum iktar nisa minn qatt qabel ikollhom joħorġu jaħdmu biex jgħinu fil-manteniment tal-familja jew għax huma jkunu l-uniku sors taʼ manteniment għall-familja tagħhom. Il-ktieb Women and the World Economic Crisis jagħmel osservazzjoni dwar rapport li stqarr: “Ix-xogħol domestiku m’huwiex l-uniku xogħol li jagħmlu n-nisa. Hemm relattivament ftit nisa fid-dinja kollha li jistgħu jgħidu li huma ‘mara tad-dar biss.’” U x-xogħol tan-nisa rari jkun eċċitanti. Għalkemm ir-rivisti jew is-soap operas tat-televixin għandhom mnejn ipinġu lin-nisa f’xi karigi eżekuttivi f’uffiċċji lussużi, fir-realtà l-affarijiet normalment ikunu ferm differenti. Il-maġġuranza l-kbira tan-nisa fid-dinja jagħmlu xogħol taʼ tbatija għal sigħat twal u bilkemm jitħallsu.
Mijiet taʼ miljuni taʼ nisa jaħdmu fir-rabaʼ, jikkultivaw il-prodotti, jaħdmu biċċiet żgħar taʼ art tal-familja, jew jieħdu ħsieb il-bhejjem. Dan ix-xogħol—li normalment ma jitħallsux biżżejjed għalih jew lanqas biss jitħallsu—jitmaʼ nofs id-dinja. “Fl-Afrika, 70 fil-mija taʼ l-ikel jiġi mkabbar min-nisa, fl-Asja, il-figura hija minn 50-60 fil-mija u fl-Amerka Latina 30 fil-mija,” jirrapporta l-ktieb Women and the Environment.
Meta n-nisa attwalment ikollhom impjieg bi ħlas, normalment jaqilgħu inqas minn ħaddiema rġiel, sempliċement għax huma nisa. Din id-diskriminazzjoni hija xi ħaġa diffiċli biex tiġi aċċettata minn omm li hija l-unika waħda fil-familja li taqlaʼ l-għajxien, u dan l-irwol qed isir iktar u iktar komuni. Rapport tal-Ġnus Magħquda jikkalkula li bejn 30 u 50 fil-mija tal-familji kollha fl-Afrika, fil-Karibew, u fl-Amerka Latina jiddependu fuq il-mara bħala l-waħda ewlenija li tipprovdi għalihom. U anki fil-pajjiżi iktar żviluppati, numru li dejjem jiżdied taʼ nisa kellhom isiru huma dawk li prinċipalment jipprovdu għall-familja.
Il-faqar fl-inħawi rurali taʼ ħafna mill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw qed iġiegħel lil din it-tendenza tiżdied b’rata mgħaġġla. Raġel miżżewweġ li kontinwament irid jissielet biex jitmaʼ lill-familja tiegħu għandu mnejn jiddeċiedi li jitlaq lejn xi belt fil-qrib jew saħansitra lejn pajjiż ieħor biex isib ix-xogħol. Hu jħalli warajh lil martu biex tieħu ħsieb il-familja. Jekk ikun xortih tajba biżżejjed li jsib ix-xogħol, hu jibgħat il-paga d-dar. Imma minkejja kemm ikollu intenzjonijiet tajbin, dan taʼ spiss ma jkomplix jagħmel hekk. Il-familja li jkun ħalla warajh għandha mnejn tkompli togħdos iktar fil-faqar, u l-benesseri tagħhom issa jkun jiddependi mill-omm.
Dan iċ-ċirku vizzjuż, li ġie deskritt tajjeb bħala “l-effemminizzazzjoni tal-faqar,” jitfaʼ piż enormi fuq miljuni taʼ nisa. “Familji li huma mmexxijin minn mara, li n-numru tagħhom huwa stmat li hu terz tat-total dinji, ħafna drabi hemm iktar probabbiltà li jkunu fqar minn dawk immexxijin minn raġel, u n-numru taʼ familji bħal dawn qed jiżdied,” jispjega l-ktieb Women and Health. Imma hu kemm hu diffiċli, il-fatt li jipprovdu l-ikel m’huwiex l-unika sfida li jiffaċċjaw in-nisa.
Ommijiet u Għalliema
Omm trid ukoll tieħu ħsieb il-benesseri emozzjonali taʼ wliedha. Hi għandha l-irwol vitali li tgħin lil uliedha jitgħallmu dwar l-imħabba u l-affezzjoni—lezzjonijiet li jistgħu jkunu importanti daqs li jiġu ssodisfati l-bżonnijiet fiżiċi tagħhom. Sabiex isiru adulti li jżommu l-bilanċ, it-tfal għandhom bżonn ambjent kordjali u taʼ sigurtà waqt li jkunu qed jikbru. Għal darb’oħra, l-irwol taʼ l-omm huwa kruċjali.
Fil-ktieb The Developing Child, Helen Bee tikteb: “Ġenitur li jaf iħobb jimpurtah minn uliedu, jesprimi l-affezzjoni, ipoġġi taʼ sikwit jew regolarment il-bżonnijiet tat-tfal l-ewwel, juri entużjażmu għall-attivitajiet tat-tfal, u jirreaġixxi b’mod sensittiv u b’empatija għas-sentimenti tat-tfal.” Tfal li rċevew imħabba bħal din mingħand omm li tant jimpurtaha minnhom ċertament li għandhom juruha l-apprezzament tagħhom.—Proverbji 23:22.
Permezz tat-treddigħ, ħafna ommijiet jipprovdu ambjent taʼ mħabba għal uliedhom sa mit-twelid. B’mod speċjali fil-każ taʼ familji fqar, il-ħalib taʼ l-omm huwa rigal imprezzabbli li din tistaʼ tagħti lit-tarbija tagħha. (Ara l-kaxxa f’paġni 10-11.) Taʼ interess, il-Bibbja tgħidilna li l-appostlu Pawlu qabbel l-affezzjoni tenera li kellu għall-Kristjani f’Tessalonika maʼ dik taʼ “omm traddaʼ” li “tħaddan [“tgħożż,” New World Translation] lil uliedha.”—1 Tessalonikin 2:7, 8.
Minbarra li titmaʼ u tgħożż lil uliedha, l-omm taʼ spiss tkun l-għalliema ewlenija tagħhom. “Ismaʼ, ibni, kliem missierek, u twarrabx tagħlim ommok,” twissi l-Bibbja, billi talludi għas-sehem estensiv li għandhom l-ommijiet f’li jedukaw lil uliedhom. (Proverbji 1:8) Hija prinċipalment l-omm jew in-nanna li bil-paċenzja kollha tgħallem lit-tfal jitkellmu, jimxu, u jagħmlu l-faċendi u viżibilju t’affarijiet oħrajn.
Bżonn Kbir taʼ Mogħdrija
Waħda mill-iktar għotjiet kbar li n-nisa jistgħu jagħtu lill-familji tagħhom hija l-mogħdrija. Meta membru tal-familja jimrad, l-omm tassumi l-irwol taʼ infermiera, waqt li xorta tibqaʼ tieħu ħsieb ir-responsabbiltajiet l-oħrajn kollha tagħha. “In-nisa fil-fatt jipprovdu l-biċċa l-kbira tal-kura tas-saħħa fid-dinja,” jispjega l-ktieb Women and Health.
Il-mogħdrija taʼ l-omm tistaʼ anki tqanqalha biex tiekol inqas ħalli b’hekk uliedha ma jonqoshomx l-ikel. Xi riċerkaturi sabu li xi nisa jqisu l-ammont taʼ ikel li jieklu bħala suffiċjenti avolja m’humiex nutriti biżżejjed. Tant huma mdorrijin jagħtu l-akbar sehem lill-irġiel tagħhom u lil uliedhom li sakemm ikunu għadhom jifilħu jaħdmu, jikkunsidraw lilhom infushom mitmugħin biżżejjed.
Xi kultant mara tesprimi l-mogħdrija tagħha billi turi tħassib għall-ambjent lokali. Dan l-ambjent huwa importanti għaliha, ladarba hi wkoll issofri meta n-nixfa, it-trasformar taʼ l-art f’deżert, u t-tqaċċit tas-siġar tal-foresti jnaqqsu l-fertilità taʼ l-art. F’belt fl-Indja, in-nisa verament irrabjaw meta saru jafu li kumpanija li tqaċċat is-siġar għall-injam kienet se tqaċċat xi 2,500 siġra minn foresta fil-qrib. Dawn in-nisa kellhom bżonn dawk is-siġar għall-ikel, għall-ħatab, u għall-għalf tal-bhejjem. Meta waslu dawk li jqaċċtu s-siġar, in-nisa kienu diġà hemm, id f’id, madwar is-siġar biex jipproteġuhom. ‘Tridu taqtgħulna rasna l-ewwel biex tqaċċtu dawn is-siġar,’ qalulhom in-nisa lill-ħaddiema. Il-foresta ġiet salvata.
“Agħtuha l-Premju li Ħadmet Għalih”
Sew jekk l-irwol tagħha hu li taqlaʼ l-għajxien, omm, għalliema, jew sors taʼ mogħdrija, il-mara jistħoqqilha rispett u rikonoxximent, l-istess bħax-xogħol tagħha. Ir-raġel għaref Lemuwel, li tant tkellem b’tifħir dwar mara taʼ ħila, kien japprezza kemm ix-xogħol u kemm il-pariri taʼ mara. Fil-fatt, il-Bibbja tispjega li ħafna mill-kontenut tal-messaġġ tiegħu ġabu bil-ħila taʼ l-istruzzjoni li kienet tatu ommu. (Proverbji 31:1) Lemuwel kien konvint li mara u omm kuxjenzjuża m’għandhiex tiġi ssottovalutata. “Agħtuha l-premju li ħadmet għalih,” hu kiteb. “Ix-xogħlijiet tagħha jġibulha tifħir.”—Proverbji 31:31, NIV.
Madankollu, meta Lemuwel iddokumenta dawn il-fehmiet, dawn ma kinux sempliċement riflessjoni tal-ħsibijiet taʼ xi bniedem. Huma ddokumentati fil-Bibbja, li hija l-Kelma t’Alla. “L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla.” (2 Timotju 3:16) Dawn is-sentimenti jirriflettu l-opinjoni li Alla li Jistaʼ Kollox għandu tan-nisa, ladarba Alla ispira dawk is-siltiet fil-Bibbja għall-istruzzjoni tagħna.
Iżjed minn hekk, il-Kelma ispirata t’Alla tistqarr li l-irġiel miżżewġin għandhom ‘jagħtuhom [lin-nisa tagħhom] il-ġieħ li ħaqqhom.’ (1 Pietru 3:7) U f’Efesin 5:33, lir-raġel jintqallu: “Kull wieħed minnkom, għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu.” Tabilħaqq, Efesin 5:25 jgħid: “Intom, l-irġiel, ħobbu n-nisa tagħkom, kif Kristu ħabb il-Knisja [“kongregazzjoni,” NW] u ta ħajtu għaliha.” Iva, Kristu tant esprima mħabba għas-segwaċi tiegħu li kien lest li jmut għalihom. X’eżempju mill-aħjar, u bla egoiżmu stabbilixxa għall-irġiel miżżewġin! U l-livelli li Ġesù għallem u żamm magħhom kienu jirriflettu l-livelli t’Alla, li huma ddokumentati fil-Bibbja għall-benefiċċju tagħna.
Madankollu, minkejja x-xogħol iebes tagħhom f’daqstant oqsma, ħafna nisa rari jieħdu l-kredtu għal dak li jagħmlu. Kif jistgħu jtejbu xortihom fil-ħajja saħansitra issa? Barra minn hekk, hemm xi ċans li l-attitudnijiet lejhom għad jinbidlu? Xi prospetti hemm fil-futur għan-nisa?
[Kaxxa/Stampa fʼpaġna 10, 11]
Tliet Modi li Bihom Mara Tistaʼ Ttejjeb il-Qagħda Tagħha
L-Edukazzjoni. Hemm madwar 600 miljun mara illitterata fid-dinja—li l-biċċa l-kbira minnhom qatt ma kellhom iċ-ċans imorru l-iskola. Għandu mnejn li int stess ftit li xejn taf skola, imma dan ma jfissirx li ma tistax teduka lilek innifsek. M’huwiex faċli, imma ħafna nisa rnexxielhom. “Raġunijiet reliġjużi jistgħu jilagħbu parti importanti f’li jqanqlu lill-adulti biex jitgħallmu jaqraw u jiktbu tajjeb,” jispjega l-ktieb Women and Literacy. Li tkun kapaċi taqra l-Bibbja inti stess huwa l-aqwa premju talli tkun tgħallimt taqra. Imma hemm ħafna iktar vantaġġi.
L-omm li taf taqra u tikteb mhux biss ikollha opportunitajiet ekonomiċi akbar, imma tkun tistaʼ wkoll titgħallem dwar prattiċi tajbin taʼ saħħa. L-istat Indjan taʼ Kerala huwa eżempju ħaj tal-benefiċċji li jiġu milli wieħed ikun jaf jaqra u jikteb. Għalkemm id-dħul f’dan ir-reġjun huwa inqas mill-medja, 87 fil-mija tan-nisa hemmhekk jafu jaqraw u jiktbu. Taʼ interess, fl-istess stat, ir-rata taʼ mwiet taʼ tfal żgħar hija ħames darbiet iktar baxxa minn dik tal-bqija taʼ l-Indja; bejn wieħed u ieħor, in-nisa jgħixu 15-il sena iktar; u t-tfal bniet kollha jmorru l-iskola.
Naturalment, l-omm li tkun taf taqra u tikteb tħeġġeġ lit-tfal tagħha biex jitgħallmu—u din m’hijiex xi ħaġa ħafifa. L-edukazzjoni tat-tfal bniet hija investiment eċċellenti. Xejn iktar m’għandu daqshekk qawwa biex itejjeb is-saħħa tal-familja u biex itejjeb il-ħajjiet tan-nisa nfushom, tgħid il-pubblikazzjoni tal-Fond tal-Ġnus Magħquda għat-Tfal (UNICEF) The State of the World’s Children 1991. Bla dubju taʼ xejn, li tkun taf taqra u tikteb tajjeb se jgħinek aħjar fl-irwol tiegħek bħala omm u waħda li tipprovdi għall-familja.a
Is-Saħħa. Bħala omm, għandek bżonn tieħu ħsieb tiegħek innifsek, speċjalment jekk tkun tqila jew treddaʼ. Tistaʼ ttejjeb id-dieta tiegħek? Skond testijiet li saru f’xi kliniki, kważi żewġ terzi tan-nisa tqal fl-Afrika kif ukoll fl-Asja tan-Nofsinhar u tal-Punent huma anemiċi. Minbarra li tiħodlok l-enerġija kollha, l-anemija żżid ir-riskji assoċjati mal-ħlas u żżid ir-riskju taʼ attakk tal-malarja. Għalkemm il-laħam jew il-ħut jistgħu jkunu skarsi jew għaljin, il-bajd, u l-frott jew il-ħxejjex li fihom ħafna ħadid jistgħu jkunu disponibbli. Tħallix is-superstizzjoni żżommok lura milli tiekol ikel nutrijenti, u tħallix id-drawwiet lokali jċaħħduk minn sehmek mill-ikel tal-familja.b
Li treddaʼ huwa tajjeb għalik kif ukoll għat-tarbija tiegħek. Il-ħalib tas-sider huwa irħas, iktar iġjèniku, u iktar nutrijenti minn kwalunkwe sostitut ieħor. L-UNICEF tikkalkula li kull sena tistaʼ tiġi evitata l-mewt taʼ miljun tifel u tifla kieku l-ommijiet ireddgħu lit-trabi għall-ewwel erbaʼ sa sitt xhur taʼ ħajjithom. M’għandniex xi ngħidu, jekk l-omm ikollha marda li tittieħed li taf li tistaʼ tgħaddiha lit-tarbija permezz tal-ħalib taʼ sidirha, allura għandha tuża metodu alternattiv li m’huwiex taʼ periklu biex titmaʼ lit-tarbija.
Kun ċert li jkun hemm ventilazzjoni tajba jekk issajjar ġo darek fuq nar mikxuf. “Li wieħed ikun espost għad-duħħan u l-gassijiet tossiċi tat-tisjir probabbilment huwa l-iktar riskju serju għas-saħħa li jeżisti fix-xogħol li nafu bih illum,” iwissi l-ktieb Women and Health.
Tpejjipx it-tabakk, minkejja kemm ikollok pressjonijiet. Il-partita rreklamar tas-sigaretti mifrux maʼ kulfejn tħares fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw huwa mmirat lejn in-nisa, billi jipprova jikkonvinċihom li t-tipjip jagħmlek tidher iktar issofistikata. Xejn ma jistaʼ jkun iktar ’il bogħod mill-verità. It-tipjip jagħmel il-ħsara lit-tfal tiegħek u jistaʼ joqtlok. Huwa kkalkulat li kwart minn dawk kollha li jpejpu eventwalment imutu minħabba l-vizzju tagħhom tat-tabakk. Iktar minn hekk, l-esperti jwissu li ċ-ċans li wieħed li jpejjep għall-ewwel darba jaqbad il-vizzju tat-tabakk huwa wieħed estremament kbir.
L-Iġjène. L-eżempju u l-parir tiegħek rigward l-iġjène huma kruċjali għas-saħħa tal-familja tiegħek. Il-pubblikazzjoni Facts for Life tenfasizza dawn il-passi bażiċi għal iġjène tajba:’
• Aħsel idejk bl-ilma u s-sapun wara kull kuntatt mal-ħmieġ uman u qabel tmiss l-ikel. Kun ċert li t-tfal tiegħek jaħslu jdejhom qabel jieklu.
• Uża t-tojlit, u żommu nadif u mgħotti. Jekk dan mhux possibbli, ipporga ’l bogħod kemm tistaʼ mid-dar tiegħek, u idfen il-ħmieġ immedjatament.—Qabbel Dewteronomju 23:13, 14 [23:12, 13, NW].
• Agħmel ħiltek biex tuża ilma nadif għall-familja tiegħek. Għal dan l-għan, żomm il-bjar mgħottijin u uża reċipjenti nodfa biex iġġorr l-ilma.
• Jekk m’għandek ebda aċċess għal ilma tajjeb għax-xorb, għalli l-ilma u mbagħad ħallih jiksaħ qabel tixorbu. Għalkemm ilma mhux mgħolli għandu mnejn jidher nadif, dan xorta jistaʼ jkun ikkontaminat.
• Ftakar li ikel mhux imsajjar hemm iktar ċans li jqabbad xi infezzjoni. Ikel li jrid jittiekel nej għandu jiġi maħsul qabel u mbagħad jittiekel kemm jistaʼ jkun malajr. Ikel ieħor, speċjalment il-laħam u t-tjur, għandu jiġi msajjar sew.
• Żomm l-ikel nadif u mgħotti ħalli l-insetti jew l-annimali ma jkunux jistgħu jikkontaminawh.
• Aħraq jew idfen l-iskart domestiku.c
[Noti taʼ taħt]
a Ix-Xhieda taʼ Jehovah jorganizzaw klassijiet għat-tagħlim tal-qari u l-kitba bla ħlas bħala parti mill-programm estensiv tagħhom taʼ edukazzjoni Biblika.
b F’xi artijiet, skond is-superstizzjoni, in-nisa m’għandhomx jieklu ħut, bajd jew tiġieġ matul it-tqâla, minħabba l-biżaʼ li ssir ħsara lit-tarbija fil-ġuf. Xi kultant id-drawwa tirrikjedi li l-mara tiekol dak li jkun fadal wara li jkunu kielu l-irġiel u s-subjien.
c Ara l-Awake! tat-8 t’April 1995, paġni 6-11, għal iktar dettalji.
[Stampa fʼpaġna 8]
Ħafna nisa fil-pajjiżi tal-Punent jaħdmu f’uffiċċji
[Stampa fʼpaġna 8, 9]
Ħafna nisa jkollhom jaħdmu f’ambjent maħmuġ
[Sors]
Godo-Foto
[Stampa fʼpaġna 9]
L-ommijiet huma għalliema fid-dar