L-Isem t’Alla Jżejjen l-Arkitettura Ċeka
Minn korrispondent taʼ Stenbaħ! fir-Repubblika Ċeka
F’ĦAFNA partijiet tad-dinja, l-isem Jehovah huwa assoċjat esklussivament max-Xhieda taʼ Jehovah. Għandek mnejn tistagħġeb meta ssir taf li fir-Repubblika Ċeka, it-tiżjin fuq numru taʼ strutturi storiċi jinkludi t-Tetragrammaton, l-erbaʼ ittri bl-Ebrajk (יהוה) li jifformaw l-isem divin, Jehovah.
Forsi l-iktar eżempju magħruf tat-Tetragrammaton qiegħed fuq Charles Bridge, mibni fl-1357 minn naħa għal oħra tax-Xmara sabiħa Vltava, qrib il-Belt Qadima taʼ Praga. Dan il-pont għandu ringiela taʼ skulturi fuq iż-żewġ naħat tiegħu, u waħda minnhom tiġbed l-attenzjoni taʼ kważi kulmin jgħaddi minn hemm. Din hija statwa taʼ Ġesù Kristu fuq is-salib, imdawra b’ittri bl-Ebrajk miktubin bid-deheb u jleqqu—li jinkludu t-Tetragrammaton—li jgħidu “Qaddis, qaddis, qaddis hu Jehovah taʼ l-eżerċti.”
Din l-espressjoni, misjuba fil-Bibbja f’Isaija 6:3, kif sabet ruħha fuq din l-istatwa? Skrizzjoni fuq il-bażi tagħha tgħid dwar Lhudi li jum wieħed fl-1696 għadda minn hemm, u jgħidu li bi kliemu wera nuqqas taʼ rispett lejn is-salib. Minħabba f’dan, hu ġie mtellaʼ l-Qorti Rjali taʼ l-Appell u weħel multa. Bħala rikompens hu pprovda dijadema għas-salib indurata bid-deheb, bil-kliem iċċitat hawn fuq.
Fil-qrib hemm is-Sinagoga Old-New u l-eqdem ċimiterju Lhudi fl-Ewropa. L-istand tal-kantur f’din is-sinagoga għandu t-Tetragrammaton fuqu ġo gwarniċ tal-fidda. Imma t-Tetragrammaton ma jinstabx biss fil-bini Lhudi. Fix-Xlokk taʼ Praga, fuq xprun kollu blat li kien jagħti għax-Xmara Sázava, hemm il-kastell medjevali taʼ Český Šternberk. Fuq l-artal tal-kappella tal-kastell hemm erbaʼ ittri tad-deheb—it-Tetragrammaton. L-ittri jidhru qishom qed jittajru fl-arja, minħabba li huma mdendlin fuq il-wájers. Warajhom hemm dawl jixgħel—imma mhux minn xi lampa! Tamboċċ, li ma jistax jidher minn ġewwa, jitfaʼ dawl taʼ lewn roża fuq artal abjad, li fuqu jinsab imdendel it-Tetragrammaton.
It-Tetragrammaton jidher ukoll fl-affreski f’bini ieħor taċ-Ċeki. Dawn jagħtu iktar xiehda li fil-passat kien hemm ħafna hemmhekk li kienu familjari maʼ l-isem t’Alla. Illum, fir-Repubblika Ċeka u f’iktar minn 200 art oħra, ix-Xhieda taʼ Jehovah huma ferħanin li jafuh l-isem divin u li jgħallmu lil oħrajn dwaru. (Isaija 43:10-12) Iktar minn hekk, il-ktieb Bibliku taʼ Isaija jitkellem dwar iż-żmien meta l-isem t’Alla—kif ukoll il-kwalitajiet, l-iskop, u l-attivitajiet tiegħu—se jkunu ‘magħrufin maʼ l-art kollha.’—Isaija 12:4, 5.