Il-Ħarsa Tal-Bibbja
Huwa ċ-Ċelibat Ħtieġa Għal Ministri Kristjani?
IĊ-ĊELIBAT huwa, eżatt eżatt, l-istat taʼ li ma tkunx miżżewweġ. Madankollu, skond The New Encyclopædia Britannica, it-terminu “huwa wżat ġeneralment f’konnessjoni maʼ l-irwol taʼ individwu ċelibi bħala uffiċjal reliġjuż, speċjalista, jew devot.” It-terminu “ċelibat” jirreferi l-iktar għal “dawk li għalihom l-istat taʼ mhux miżżewweġ huwa r-riżultat taʼ wegħda sagra jew att taʼ rinunzja jew taʼ twemmin li dan huwa preferibbli għal individwu minħabba l-pożizzjoni reliġjuża tiegħu jew il-grad tiegħu taʼ serjetà reliġjuża.”
F’xi żmien jew ieħor, ċerti reliġjonijiet prominenti adottaw iċ-ċelibat bħala ħtieġa għall-ministri tagħhom. Madankollu, iċ-ċelibat fl-ebda reliġjon oħra tal-Kristjaneżmu ma sar daqshekk taʼ karatteristika li tingħaraf daqs kemm hu fil-Kattoliċiżmu. Illum, hemm kontroversja ġmielha dwar iċ-ċelibat Kattoliku. The Wilson Quarterly nnota li “studju wara l-ieħor fi snin reċenti kkonkluda li ċ-ċelibat obbligatorju, ħtieġa għall-qassisin Kattoliċi sa mis-seklu 12, qiegħed jikkaġuna l-problemi li għandha l-knisja biex tirrekluta u żżomm il-qassisin.” Skond is-soċjologu Richard A. Schoenherr, “il-piż kollu taʼ l-istorja u tal-bidla soċjali qiegħed idur kontra l-esklussività taċ-ċelibat maskil fis-saċerdozju Kattoliku.” X’inhi l-ħarsa tal-Bibbja lejn iċ-ċelibat?
Iż-Żwieġ jew l-Istat taʼ mhux Miżżewweġ?
Matul l-istorja numru bla għadd taʼ rġiel u nisa devoti, f’ħafna reliġjonijiet differenti, għażlu li jkunu ċelibi. Għala? F’ħafna każi kien għaliex huma emmnu li affarijiet materjali tal-ġisem kienu “l-magħqad tal-ħażen.” Dan ħoloq il-filosofija li purità spiritwali kienet possibbli biss permezz taʼ li wieħed jastjeni minn kull attività sesswali. Din, madankollu, m’hijiex il-ħarsa tal-Bibbja. Fil-Bibbja, iż-żwieġ huwa meqjus bħala għotja nadifa u qaddisa mingħand Alla. Ir-rakkont tal-ħolqien f’Ġenesi jagħti stampa ċara taż-żwieġ bħala li hu “tajjeb” f’għajnejn Alla u ovvjament mhux bħala ostaklu għal relazzjoni pura spiritwalment m’Alla.—Ġenesi 1:26-28, 31; 2:18, 22-24; ara wkoll Proverbji 5:15-19.
L-appostlu Pietru u qaddejja approvati oħrajn t’Alla li kellhom pożizzjonijiet t’awtorità fil-kongregazzjoni Kristjana bikrija kienu rġiel miżżewġin. (Mattew 8:14; Atti 18:2; 21:8, 9; 1 Korintin 9:5) Dan jintgħamel ċar mid-direzzjonijiet taʼ l-appostlu Pawlu lil Timotju dwar il-ħatra taʼ indokraturi, jew ‘isqfijiet,’ tal-kongregazzjoni. Hu jikteb: “L-isqof ikun bniedem li ma ssibx xi tgħid fih; li jkun raġel taʼ mara waħda.” (Korsiv tagħna; 1 Timotju 3:2) Innota li assolutament m’hemm l-ebda suġġeriment li b’xi mod ma kienx floku li “isqof” ikun miżżewweġ. Pawlu indika sempliċement li “isqof” m’għandux ikun poligamu; jekk ikun miżżewweġ, irid ikollu mara waħda biss. Fil-fatt, is-Cyclopedia of Biblical, Theological, and Ecclesiastical Literature, minn McClintock u Strong, tikkonkludi: “L-ebda silta fit-T[estment il-]Ġ[did] ma tistaʼ tiġi interpretata fi projbizzjoni kontra ż-żwieġ tal-kleru taħt id-dispensa tal-Vanġelu.”
Fil-waqt li tistma ħafna liż-żwieġ, il-Bibbja ċertament li ma tikkundannax l-istat taʼ mhux miżżewweġ jekk dan jintgħażel liberament. Il-Bibbja tirrikkmandah dan bħala korsa mixtieqa għal xi wħud. (1 Korintin 7:7, 8) Ġesù Kristu qal li xi rġiel u nisa jagħżlu deliberatament il-korsa taʼ l-istat taʼ mhux miżżewweġ. (Mattew 19:12) Għala? Mhux għaliex hemm xi ħaġa impura b’mod inerenti dwar iż-żwieġ li tistaʼ tfixkel l-iżvilupp spiritwali tagħhom. Huma jagħżlu din il-korsa sempliċement biex jiffokaw l-isforzi tagħhom fuq li jagħmlu r-rieda t’Alla f’dawk li ħassew li huma żminijiet urġenti.
It-Triq lejn iċ-Ċelibat Obbligatorju
Madankollu, l-affarijiet inbidlu fis-sekli li segwew żmien Kristu. Matul l-ewwel tliet sekli taʼ l-Era Komuni tagħna, “kien hemm ministri kemm miżżewġin u kemm mhux miżżewġin,” jispjega David Rice, Dumnikan li telaq mis-saċerdozju biex jiżżewweġ. Imbagħad, l-hekk imsejħin Kristjani bdew jiġu influwenzati minn dak li wieħed kittieb reliġjuż iddeskrivieh bħala “amalgama taʼ ideat Griegi u bibliċi” li pproduċa ħarsa mgħawġa dwar is-sess u ż-żwieġ.
Xi wħud, m’għandniex xi ngħidu, baqgħu jsusu wara l-istat taʼ mhux miżżewweġ sempliċement “biex jiksbu ħelsien komplet ħalli jiddedikaw [ruħhom] għax-xogħol tas-saltna t’Alla.” Madankollu, oħrajn kienu iktar immotivati mill-filosofiji pagani li kienu assorbew. The New Encyclopædia Britannica tgħid: “Twemmin li att sesswali kien iħammeġ u kien inkompatibbli mal-qdusija tfaċċa [fl-hekk imsejħa knisja Kristjana] bħala l-motivazzjoni dominanti biex jiġi pprattikat iċ-ċelibat.”
Rice jgħid li, fir-rabaʼ seklu, il-knisja “pprojbiet lil qassis miżżewweġ milli jkollu x’jaqsam sesswalment maʼ martu l-lejl taʼ qabel ma tiġi ċċelebrata l-Ewkaristija.” Meta l-knisja introduċiet l-Ewkaristija taʼ kuljum, dan kien ifisser li l-qassisin kellhom jastjenu mill-att sesswali permanentement. Maż-żmien, iż-żwiġijiet tal-qassisin ġew ipprojbiti kompletament. B’hekk, iċ-ċelibat sar obbligatorju għal kulmin kien se jsir ministru fil-knisja.
L-appostlu Pawlu wissa dwar żvilupp eżattament bħal dan. Hu kiteb: “L-Ispirtu jgħidha ċar li fl-aħħar taż-żminijiet xi wħud jitbiegħdu mill-fidi u jagħtu widen għal spirti qarrieqa u għal tagħlim tax-xjaten . . . li jikkundannaw iż-żwieġ.”—1 Timotju 4:1, 3.
“L-Għerf taʼ Alla tawh raġun l-opri tiegħu stess,” qal Ġesù Kristu. (Mattew 11:19) Il-bluha taʼ li wieħed jiżvija mil-livelli t’Alla ġiet ipprovata mix-xogħlijiet jew mill-konsegwenzi tagħha. L-awtur David Rice intervista lil ħafna qassisin madwar id-dinja fuq is-suġġett taċ-ċelibat obbligatorju. Xi wħud li tkellem magħhom qalu: “Tibqaʼ fis-saċerdozju, tagħmel kemm ġid tistaʼ, u b’mod diskret tiddisponi ruħek mill-prontezza taʼ nisa ammiraturi devoti, li jagħmlu lilhom infushom disponibbli sesswalment.”
Waqt li jikkwota Mattew 7:20, Rice jgħid: “‘Mill-frott tagħhom se tagħrfuhom,’ qal Ġesù.” Hu mbagħad jikkummenta fuq it-traġedja li rriżultat miċ-ċelibat sforzat: “Il-frott taċ-ċelibat obbligatorju huma dawk l-eluf taʼ rġiel li jgħixu ħajja doppja, l-eluf taʼ nisa li jgħixu ħajja meqruda, l-eluf taʼ tfal irrifjutati mill-missirijiet saċerdotali tagħhom, biex ma nsemmux il-qassisin li jsofru emozzjonalment.”
Żwieġ onorabbli huwa barka mingħand Alla. Iċ-ċelibat sforzat irriżulta li hu taʼ ħsara spiritwalment. L-istat taʼ mhux miżżewweġ magħżul liberament, mill-banda l-oħra, għalkemm m’huwiex ħtieġa essenzjali għall-qdusija jew għas-salvazzjoni, ta prova li kien mod taʼ ħajja premjanti u sodisfaċenti spiritwalment għal xi wħud.—Mattew 19:12.
[Sors tal-Istampa fʼpaġna 21]
Life