Ir-Rinoċeronti Orfni fil-Kenja
MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FIL-KENJA
X’JIĠRI fix-xagħri meta xi annimal żgħir jiġi sseparat mill-ġenituri tiegħu? X’aktarx li dan jiġi maqtul bħala priża. Biex dan jiġi evitat, xi gwardjani tal-kaċċa fil-Kenja jsalvaw annimali żgħar bħal dawn u jiħduhom fl-orfanatrofji taʼ l-annimali. Wieħed mill-orfanatrofji l-iktar magħrufin hu mmexxi minn Daphne Sheldrick fil-Park Nazzjonali taʼ Najrobi. Għal għexur taʼ snin, Sheldrick ilha trabbi ħafna annimali u wara terġaʼ tiħodhom lura fix-xagħri, u dawn jinkludu bufli kbar u perikolużi, antelopes, żibetti, qżieqeż, mongooses, iljunfanti, u rinoċeronti.
Is-sena l-oħra ħadet ħsieb taʼ żewġ rinoċeronti suwed żgħar, Magnette u Magnum. Magnette hija l-għoġla taʼ Edith, li għadha ħajja fil-Park taʼ Najrobi. L-għoġla nġabet fl-orfanatrofju f’nofs Frar taʼ l-1997, minħabba li b’xi mod kienet ġiet isseparata minn ommha. Kienu laħqu għaddew ħamest ijiem meta l-gwardjani tal-kaċċa fl-aħħar sabu lil omm Magnette. Imbagħad ma tantx kien hemm possibbiltà li l-omm kienet se taċċetta lura lill-għoġla minħabba li damet isseparata minnha u r-riħa tal-bniedem li kellha fuqha.
Magnum twieled fit-30 taʼ Jannar, 1997, l-għoġol taʼ rinoċeront li kien jisimha Scud, li kienet tilfet l-użu taʼ riġilha l-leminija taʼ quddiem, x’aktarx għax kienet waqgħet f’xi ħofra waqt li kienet għaddejja tiġri sparata. Għalkemm saru sforzi kbar biex ifejqulha l-ferita, żviluppatilha infezzjoni fl-għadma, u Scud kellha tiġi maqtula tliet ġimgħat wara li welldet lil Magnum.
It-Trobbija tar-Rinoċeronti
Ir-rinoċeronti ż-żgħar iħobbu jogħġbuk u faċli timmaniġġahom, imma mhux se trabbihom ġo darek. Matul il-ġurnata, kull erbaʼ sigħat huma jixorbu ħalib kollu krema minn flixkun kbir ħafna bil-gażaża. Huma jieklu wkoll xi pjanti u ħaxix. Għalkemm ir-rinoċeronti ż-żgħar meta jitwieldu jkunu biss madwar 40 ċentimetru fit-tul u jiżnu bejn 30 u 40 kilogramma, huma jikbru b’rata verament mgħaġġla—taʼ kilo kuljum! Meta rinoċeront isir adult, ikun jiżen iktar minn tunnellata.
Il-gwardjani tagħhom kuljum jakkumpanjaw lil Magnette u lil Magnum f’mixjiet twal ġewwa l-park. Dawn il-mixjiet m’humiex biss bħala eżerċizzju; dawn iservu wkoll bħala skop importanti—biex jintegraw lir-rinoċeronti fix-xagħri. Ejjew nikkunsidraw kif dan iseħħ.
Ir-rinoċeronti għandhom vista dgħajfa, imma għandhom is-sens tagħhom tax-xamm akut u l-memorja fenomenali. B’hekk, ir-rinoċeronti jsiru jafu ’l xulxin l-ewwel mir-riħa. Ir-rinoċeronti jimmarkaw il-konfini tat-territorju tagħhom billi meta jħammġu dan jagħmluh gozz gozz u jagħmlu pipì fil-ħaxix.
Taħt ċirkustanzi normali, l-għoġol jiġi protett minn ommu, billi r-riħa unika tiegħu titħallat maʼ tagħha sakemm din twelled għoġol ieħor. Sadanittant, l-għoġol se jilħaq jintegra bis-sħiħ fil-komunità stabbilita tar-rinoċeronti u jiġi aċċettat minnha. Għal dawk il-ġodda bħal Magnette u Magnum, is-sitwazzjoni hija differenti. Huma jridu jżidu l-ħmieġ tagħhom mal-gzuz taʼ ħmieġ li diġà jkun hemm taʼ rinoċeronti li jgħixu f’dawk l-inħawi qabel ma jkun jistaʼ jsir kuntatt fiżiku magħhom. Għalhekk, matul il-mixjiet twal tagħhom taʼ kuljum, l-orfni tar-rinoċeronti jżidu l-kontribuzzjoni tagħhom stess mal-gzuz taʼ ħmieġ li diġà jkun hemm fuq il-ħaxix. B’dan il-mod, ir-riħa tagħhom tiġi skoperta, investigata, u fl-aħħar aċċettata mill-popolazzjoni lokali tar-rinoċeronti. Il-proċess biex ir-rinoċeronti li trabbew min-nies jiġu stabbiliti mill-ġdid fix-xagħri, madankollu, huwa wieħed ikkumplikat u jistaʼ jieħu diversi snin.
X’Futur Hemm għall-Orfni?
Skond il-World Wildlife Fund, fl-1970 kien hemm madwar 65,000 rinoċeront iswed fl-Afrika. Illum hemm inqas minn 2,500. Dan it-tnaqqis drastiku ġie kkaġunat minħabba li l-kaċċaturi kienu qatlu lir-rinoċeronti għall-ġilda u l-qarn tagħhom. Fis-suq illeċitu, il-qarn tar-rinoċeronti jiswa iktar minn kemm jiswa l-piż tiegħu f’deheb. Għala jiswa daqshekk?
Raġuni waħda hi li f’xi pajjiżi tal-Lvant Imbiegħed, ħafna jemmnu li t-trab tal-qarn mitħun jistaʼ jniżżel id-deni. Xi provi kimiċi wrew li jistaʼ jkun hemm xi ftit tal-verità f’dan, imma biss jekk jiġu amministrati f’ammonti ferm iktar għoljin minn dawk misjubin f’rimedji kurrenti. M’għandniex xi ngħidu, hemm ħafna mediċini oħrajn li jistgħu jniżżlu d-deni.
Il-qarn tar-rinoċeronti huwa mfittex ukoll għal raġunijiet kulturali. F’pajjiż wieħed tal-Lvant Nofsani, stallett magħmul fit-tond huwa sinjal tant mixtieq taʼ l-irġulija. Tant huwa imprezzabbli stallett li l-manku tiegħu huwa qarn taʼ rinoċeront li x-xerrejja huma lesti li jħallsu 580 dollaru (Lm220) għal manku b’qarn ġdid u 1,200 dollaru (Lm456) għal manku b’qarn antik.
Bħala riżultat tal-kaċċa illegali, il-Kenja tilfet iktar minn 95 fil-mija tar-rinoċeronti tagħha f’inqas minn 20 sena. Kmieni fis-snin 90, in-numru niżel minn 20,000 għal kważi 400. Minn dakinhar ’l hawn, minħabba l-miżuri taʼ protezzjoni intensi li ttieħdu, il-popolazzjoni tar-rinoċeronti żdiedet għal madwar 450. Il-Kenja hija issa waħda minn tlieta biss mill-pajjiżi Afrikani fejn il-popolazzjonijiet tar-rinoċeronti suwed jew huma stabbli jew qed jiżdiedu. Għalhekk, il-futur taʼ Magnette u Magnum jidher promettenti, u l-gwardjani tagħhom jittamaw li dawn eventwalment se jingħaqdu mal-komunità lokali tar-rinoċeronti u jgħixu ħajja twila u ferħana.
[Stampa fʼpaġna 12]
Magnum (xellug) u Magnette taʼ erbaʼ xhur